PROĠETT GĦALL-IMPLEMENTAZZJONI TAR-RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-MASTERPLAN TAĊ-ĊITADELLA U R-RESTAWR TAL-BANCA GIURATALE
Il-Ministru għal Għawdex Dr Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għal-Fondi Ewropej Dr Ian Borg żaru ċ-Ċitadella u l-Banca Giuratale fir-Rabat Għawdex biex jaraw il-progress fix-xogħlijiet. Il-proġett taċ-Ċitadella huwa proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropeja b’budget ta’ €14.5 miljun.
Diġà tlesta xogħol fuq ir-restawr tal-faċċati tal-Mużew tal-Folklor, il-Kappella ta’ San Ġużepp u l-arkati medjevali liema xogħlijiet huma parti minn proġett li se jwassal għar-restawr tal-faċċati tal-binjiet storiċi fiċ-Ċittadella.
Fix-xhur li ġejjin se jkunu qegħdin jiġu restawrati wkoll il-faċċati tal-Qorti u l-Palazz tal-Gvernatur, il-Mużew tax-Xjenza Naturali, il-Ħabs il-Qadim, l-Awla Kapitulari u l-ġenb tal-Katidral. Inbeda wkoll ix-xogħol fuq ir-rikostruzzjoni tat-triqat u passaġġi fiċ-Ċittadella kif ukoll fuq l-installazzjoni ta’ servizzi ġodda li se jiġu mgħoddija kollha minn taħt l-art.
Aktar tard din is-sena se jsir xogħol fuq ir-rijabilitazzjoni tal-pjazza tal-Katidral li se tiġi llivellata u pavimentata biex tkun tista’ tintuża aħjar għal attivitajiet kulturali u reliġjużi. Waħda mill-akbar sfidi li qiegħed jiffaċċja l-Ministeru għal Għawdex fit-twettiq ta’ dan il-proġett huwa l-perjiodu qasir ta’ implimentazzjoni li għandu dan il-proġett.
Il-Ministeru għal Għawdex wiret sitwazzjoni fejn f’perjodu qasir kellu jipprepara numru ta’ sejħiet għall-offerti, jiġu pubblikati, evalwati u jinbeda x-xogħol. Il-Ministru Refalo spjega ukoll x’tip ta' xogħlijiet se jitwettqu fil-Banca Giuratale fost l-oħrajn ir-restawr tal-faċċati, bdil ta’ ġebel u lavur, xogħol ta’ manutenzjoni fuq bibien, twieqi u waterproofing. Il-Ministru għal Għawdex stqarr li x-xogħol ta’ restawr fuq il-Banca Giuratale se jkun qed jiġi kollu ffinanzjat mill-HSBC u ta’ dan rringrazzjahom.
Il-Ministeru għal Għawdex, minkejja d-diffikultajiet li jħabbat wiċċu magħhom qiegħed jagħmel minn kollox biex dan il-proġett jiġi implimentat b’suċċess fiż-żmien qasir li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal kif waqt li l-Oppożizzjoni dejjem titkellem dwar l-10% tal-fondi għal Għawdex, sa Marzu 2013 Gvern Nazzjonalista kien ikkommetta inqas minn 8% tal-Fondi Ewropej 2007-2013. Kien biss bl-intervent ta’ din l-amministrazzjoni matul l-aħħar 9 xhur tas-sena 2013, li din il-wegħda nżammet favur Għawdex u n-nies tiegħu.
Dr. Borg kompla jgħid kif huwa inaċċettabli li l-Amministrazzjoni preċedenti, żammet mistura risposta formali mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea lil Gvern Malti f’Ottubru tal-2012 dwar kemm-il darba Għawdex bħala Gżira Reġjun kellux jingħata attenzjoni speċjali minn finanzjament Ewropew. Il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jirrispondi għaliex ma kinux ħassew li għandhom jinfurmaw lill-poplu Għawdxi bir-risposta tal-Kummissjoni Ewropea.
Dr Anton Refalo irringrazzja lil Dr Ian Borg, Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej għas-support u l-għajnuna tiegħu kif ukoll lil HSBC għal finanzjament tar-restawr tal-Banca Giuratale. Il-Ministru rringrazzja wkoll lill-entitajiet u Dipartimenti tal-Gvern li jikkoperaw mal-gvern fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en