IL-MINISTRU HELENA DALLI TINDIRIZZA L-ĦAMES KUNSILL EWROPEW DWAR IT-TRANSGENDER F’BUDAPEST
Persuni trans m’għandhomx jitqiesu bħala ċittadini tat-tieni klassi
Meta kienet qed tindirizza l-ħames Kunsill Ewropew dwar it-Transgender li bħalissa qiegħed jinżamm f’Budapest, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli tkellmet dwar l-avvanz li qed tagħmel Malta fir-rikonoxximent tad-drittijiet tal-minoranzi fosthom ta’ persuni LGBTI.
Fost l-oħrajn hija semmiet il-pass li għamel pajjiżna x-xahar li għadda meta l-Parlament approva l-liġi dwar l-Unjoni Ċivili li tirrikonoxxi d-drittijiet u l-obbligi għal koppji tal-istess sess fuq l-istess livell bħaż-żwieġ ċivili. Spjegat kif fl-istess ħin, il-Parlament approva wkoll li tkun emendata l-Kostituzzjoni biex toffri protezzjoni kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru.
Il-Ministru Dalli fissret kif il-pass li jmiss se jkun il-liġi dwar l-Identità tal-Ġeneru, liema abbozz qiegħed quddiem il-Kunsill Konsultattiv tal-LGBTI għall-evalwazzjoni.
Hija enfasizzat li persuni trans m’għandhomx jitqiesu bħala ċittadini tat-tieni klassi u m’għandux ikun hemm prejudizzji minħabba fatturi li jagħmluna diversi minn xulxin. Aħna lkoll bnedmin l-ewwel qabel kull ħaġa oħra.
Il-Ministru Dalli qalet li l-Gvern Malti huwa kommess li jassigura li persuni trans iħossuhom milqugħa, siguri, u li jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet kollha tagħhom mingħajr ebda biża’, vjolenza jew fastidju minħabba l-identità tal-ġeneru tagħhom.“Din hija Malta li nixtiequ ngħixu u nilqgħukom fiha meta tiġu żżuruna” tenniet Dr Dalli.
Il-Ministru Helena Dalli enfasizzat il-ħtieġa ta’ aktar edukazzjoni fl-istess ħin li jkun assigurat li d-diskriminazzjoni ma sseħħx.
Dr Dalli temmet tgħid li bir-riformi leġiżlattivi li se tkun qed tagħmel, Malta tista’ sservi ta’ mudell pożittiv għal persuni trans fil-bqija tal-Ewopa.
Intant, il-Kunsill Ewropew kien indirizzat ukoll mill-Kummissarju Għoli tal-Ġnus Magħquda Navy Pillay.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en