Left arrow Mur Lura

IS-SAĦĦA AMBJENTALI: ĦTIEĠA TA’ BIDLA FIL-ĦSIEB U FIL-MENTALITÀ

pr140943
Date Icon 02/05/2014

Dalgħodu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostennibli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat u s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne, attendew konferenza tal-aħbarijiet li matulha tnediet il-mixja ta’ 112-il kilometru magħrufa bħal El Camino De Santiago li se ssir fi Spanja. Din se jipparteċipaw fiha numru ta’ voluntiera bil-għan li jinġabru fondi għal Hospice Malta u l-Għaqda Flimkien Għall-Ambjent Aħjar.

Fl-indirizz tiegħu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostennibli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, Leo Brincat, saħaq li s-saħħa ambjentali tolqot fil-laħam il-ħaj lil kull wieħed u waħda minnha. Inklużi dawk li qajla s-soltu jimpurtahom mill-ambjent, dan għax jafu li fin-nofs hemm is-saħħa tagħhom infushom, ta’ uliedhom u tal-familji tagħhom.

Filwaqt li hemm bzonn sinerġija akbar bejn l-ekonomija u l-ambjent, is-saħħa ambjentali qatt ma għandha jew tista’ tiġi sekondarja għall-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi.

Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostennibli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima kompla, “Meta nħarsu lejn is-saħħa ambjentali, mhux biss inkunu qed intawwlu il-ħajja tal-bniedem u nnaqqsu il-prospetti tal-mard, iżda nkunu qed niżguraw kwalità ta’ ħajja ahjar. Ma’ dan inkunu ukoll qed niffrankaw lill-pajjiż spejjeż żejda fuq kura medika li jistgħu jiġu faċilment utilizzati f’mod aħjar. Anke t-tħaddir tal-ispazji miftuħa speċjalment f’żoni urbani jista’ jgħin f’dan ir-rigward.

“Hemm bżonn li l-poplu jifhem id-differenza kbira li hemm bejn is-saħħa ambjentali u l-ħarsien tal-ambjent. Is-saħħa ambjentali tista tintlaqat direttament kemm mil-lat ta’ambjent naturali ta madwarna kif ukoll mil-lat ta’ ambjent li ninsabu ngħixu fih.

“Eżempju tipiku huwa t-tniġġiż. Filwaqt li l-kwalità tal-arja hija prijorità għall-Maltin u l-Ewropej kollha, it-tniġġis tal-ħsejjes huwa daqstant ieħor importanti, tant li dan huwa magħruf li jeffettwa is-saħħa tal-bniedem irrispettivament mill-età, professjoni u qasam soċjali li jkun ġej minnu. Xi drabi anke’ jikkawża dannu psikoloġiku.

“Huwa dan li mbuttana ‘l quddiem sabiex fil-Budget 2014 nintrabtu li nfasslu leġislazzjoni xierqa dwar it-tniġġis tal-ħsejjes li tista’ titħaddem b’mod prattiku. Dan filwaqt li wieħed jevita il-frammentazzjoni li teżisti bħalissa. Il-qofol ta’ leġislazzjoni simili tkun ta’ bilfors l-infurzar u l-implimentazzjoni tal-ligi nnifisha.

“Dmirna huwa li mhux biss nħarsu s-saħħa ambjentali taċ-ċittadini, imma aktar minn hekk li ntaffu u nindirizzaw direttament dawk l-attivitajiet kollha li jista’ jkollhom effett dirett negattiv fuq saħħet il-bniedem.”

Il-Ministru Brincat temm id-diskors tiegħu billi qal li mingħajr monitoraġġ u kontroll xieraq dawn l-affarijiet jibqgħu biss xewqat sbieħ. Iżda qabel xejn, sabiex nirnexxu hemm bżonn bidla fil-ħsieb u fil- mentalità.

Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Mr. Chris Fearne tkellem dwar il-kontribut siewi li jagħtu l-għaqdiet volontarji biex is-settur tal-kura tas-saħħa jibqa’ sostenibli. Huwa rringrazzja l-għaqdiet volontarji u l-voluntiera kollha li permezz tal-ħidma tagħhom qegħdin itaffu t-tbatija tal-pazjenti u l-qraba tagħhom.

Filwaqt li esprima l-gratitudni tiegħu għas-servizzi kollha li toffri Hospice Malta lil dawk li jkunu qegħdin fi stat ta’ tbatija u vulnerabli. Is-Sur Fearne qal li s-Segretarjat Parlamentari għas-Saħħa huwa kommess li jgħin lil-Hospice Malta biex il-ħolma tagħha, dik li toffri servizz residenzjali, issir realtà.

“Is-saħħa mhix kwistjoni ta’ mediċini u trattamenti biss imma wkoll li nkunu proattivi u nħarsu saħħitna billi nħaddnu stil ta’ ħajja li tinkorpora fiha l-eżerċizzju fiżiku”, sostna Chris Fearne.  B’dan il-għan huwa ħabbar li l-Health Promotion Unit se tniedi sensiela ta’ mixjiet mingħajr ħlas għall-pubbliku bl-isem ta’ Move For Health. Id-dati tal-mixjiet huma:

-       10 ta’ Mejju, fil-Wied tal-Lunzjata Ħad-Dingli, fl-1600;

-       16 ta’ Mejju, fl-akwati ta’ Bieb is-Sultan fil-Birgu, fis-1800;

-       18 ta’ Mejju, il-Park tal-Majjistral, il-Mellieħa, fis-1745.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow