Left arrow Mur Lura

TNEDIJA TAL-POLITIKA NAZZJONALI DWAR IX-XOGĦOL

pr140939
Date Icon 02/05/2014

Il-Gvern se jħallas għal-leave kollu tal-maternità

Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu nieda l-Politika Nazzjonali dwar ix-Xogħol, wara li matul is-sena li għaddiet saret konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali fi ħdan l-MCESD. 

Il-Prim Ministru spjega kif l-aħħar policy li ġiet introdotta f’pajjiżna kienet fl-2004 u ftit li xejn ġiet implimentata. Il-miżuri li fuqhom hi msejsa din il-Politika Nazzjonali dwar ix-Xogħol ġew diskussi u maqbula bejn il-Gvern, min iħaddem u min jaħdem. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol se jingħata l-inkarigu li din il-Politika Nazzjonali titwettaq u ma titħalliex fuq il-karta. 

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar 10 miżuri konkreti li se jkunu l-qafas ta’ din il-Politika Nazzjonali dwar ix-x-Xogħol u spjega kif issa se jibdew diskussjonijiet fuq kull miżura individwali sabiex jiġu implimentati. Dawn il-miżuri huma:

1. Sistema ta’ in-work benefits: 

Familji bi dhul baxx u dawk li huma fuq il-benefiċċji soċjali u jidħlu jaħdmu, wara t-tielet sena se jibqgħu jingħataw benefiċċju addizzjonali jekk ikunu għadhom bi dħul baxx.

2. Il-Gvern se jħallas għal-leave kollu tal-maternità: 

minn 4,000 mara f’sena, 2,000 biss igawdu mil-leave tal-maternità, 600 minnhom huma ħaddiema tal-Gvern.

3. Mhux se jibqa’ possibbli li persuna tibqa’ tirreġistra għal xogħol li ma jkunx hemm domanda għalih: 

persuna jkollha taċċetta kwalunkwe xogħol li  jiġi offrut  lilha fl-istess kategorija.

4. Investiment kbir fis-sistema tal-IT tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ biex issir aktar effiċjenti:

L-ETC trid tilħaq l-aspirazzjonijiet ta’ min qed ifittex ix-xogħol kif ukoll ta’ min iħaddem.

5. Investiment fil-kapital uman:

se jsir sforz nazzjonali biex ikunu investiti aktar flus fit-taħriġ tal-ħaddiema.

6. Inizjattivi biex jiġu indirizzati problemi ta’ xogħol:

inizjattivi ta' xogħol iffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew biex jigu indirizzati il-problemi ta’ xogħol tal-istudenti, dawk minn 40 sena 'l fuq, nies dipendenti fuq benefiċċji, nies u żgħażagħ inattivi.

7. Miżuri għal persuni b’diżabilità:

Jiġu indirizzati bis-serjetà l-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabilità permezz ta’ open employment opportunities.

8. Miżuri sabiex aktar anzjani jaħdmu fl-istess linja mal-Active Aging Strategy.

9. Tiġi ffaċilitata aktar flessibiltà fuq il-postijiet tax-xogħol

10. Twaqqif ta' Local Employment Development Unit f'Għawdex, li se jkun ikkordinat mill-ETC, u se jieħu ħsieb li kwalunkwe sforz biex jinħoloq ix-xogħol f'Għawdex jiġi kkordinat b'mod aħjar.

Il-Prim Ministru spjega li dawn il-miżuri kuraġġużi m’għandhomx ikunu vittmi ta’ politika partiġġjana għaliex kien hemm qbil importanti bejn ir-rappreżentanti ta’ min iħaddem u r-rappreżentanti ta’ min jaħdem. L-għanijiet ta’ dawn il-miżuri huma ta’ ġid ukoll għall-ekonomija Maltija sabiex is-suq tax-xogħol jiġi modernizzat. Il-Prim Minstru spjega li dawn il-miżuri se jiġu implimentati b’mod inkrimentali u kordinat matul din il-leġiżlatura.

Il-Prim Ministru tenna l-importanza li l-edukazzjoni tkun il-punt tat-tluq. Sostna li għalkemm skont il-Labour Force Survey kien hemm tnaqqis fir-rata tal-qgħad, xorta rridu nkomplu niġġieldu l-fenomenu tal-qgħad l-aktar permezz tal-edukazzjoni.

Il-Prim Minstru Joseph Muscat spjega kif matul is-sena li għaddiet ġie rduppjat l-ammont ta’ postijiet ta’ xogħol li nħoqlu. Dan għaliex fl-2012, għal kull persuna aktar li kienet qed tirreġistra għax-xogħol inħolqu 4 postijiet tax-xogħol, waqt li fis-sena li għaddiet għal kull persuna aktar li kienet qed tirreġistra għax-xogħol inħolqu 9 postijiet tax-xogħol. Barra minn hekk l-ekonomija Maltija kibret minn 0.6% fl-2012 għal 2.4% u hemm lok għal aktar tkabbbir.

Din il-Politika Nazzjonali dwar ix-Xogħol tmur id f’id ma’ miżuri li tħabbru fil-budget li għadda intenzjonati biex il-postijiet tax-xogħol ikunu aktar produttivi u jattiraw aktar nies ġodda lejn is-suq tax-xogħol.

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, is-Segretarju Permanenti, is-Sur Joseph Caruana u ċ-Chairperson tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, is-sur Clyde Caruana.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow