Left arrow Go Back

SUMMER ON THE MOVE - NAGĦTU PRIJORITÀ U NWESSGĦU DAWK IL-PROGRAMMI L-AKTAR POPOLARI

pr140933
Date Icon 02/05/2014

Illum fetħu l-applikazzjonijiet għal Summer on the Move: programm sportiv għas-Sajf organizzat mill-Kunsill Malti għall-Isport.  Din hija il-11-il edizzjoni ta’ dan il-programm li fih jistgħu jipparteċipaw tfal, żgħażagħ u adulti minn 4 snin ’il fuq.  Għal dan il-programm se jkunu utilizzati 250 kowċ speċjalizzat li se jieħdu ħsieb li jagħtu l-attenzjoni meħtieġa lil kull parteċipant.  L-għan prinċipali ta’ dan il-programm hu li l-parteċipanti jitħarrġu u jgħixu ħajja aktar sana.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret  fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius qal li programmi bħal dawn huma importanti biex ikollna soċjetà aktar b’saħħitha u attiva.  It-tfal u ż-żgħażagħ għandhom ħafna x’jibbenefikaw minn dawn il-programmi għaliex huwa fatt magħruf li dawk it-tfal u żgħażagħ li jkunu impenjati f’dixxiplini sportivi joqgħodu ’l bogħod mill-vizzji u jgħixu ħajja aktar sana, imma l-prezzijiet sussidjati li joffri programm bħal Summer on the Move jagħmlu dan il-programm aċċessibbli għal kullħadd.  Barra minn hekk, Summer on the Move għandu jkun l-ewwel pass biex il-parteċipanti jduqu l-attività sportiva u eventwalment jagħmluha parti integrali minn ħajjithom. Filfatt huwa ħeġġeġ biex jkunu aktar il-parteċipanti li jattendu dawn is-sessjonijiet li jsiru kemm filgħodu u kemm filgħaxija.

Tkellem ukoll Luciano Busuttil, Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport, li qal li l-KMS  ħa ħsieb jagħmel studju biex tingħata prijorità u jitwessgħu dawk is-sessjonijiet li huma l-aktar popolari u jitneħħew dawk li l-attendenza fihom kienet waħda fqira.  Dan sar biex l-ispiża f’dawn il-programmi tkun iktar ikkontrollata u b’hekk jibbenefikaw l-parteċipanti. 

Il-programm qed ikun offrut fil-kumplessi sportivi tal-KMS propju f’dawk tal-Kottonera, Kirkop u tal-Qroqq, kif ukoll  fl-iskejjel tal-Mosta u tas-Siġġiewi.  Huma diversi d-dixxiplini sportivi offruti f’dan il-programm, fejn jibqgħu l-iżjed popolari l-għawm, il-ġinnastika, il-baskitbol u l-futbol.  Għal din l-edizzjoni, l-Kunsill Malti għall-Isport ħaseb biex għall-ewwel darba, joffri l-programm tal-karting matul il-ġimgħa. 

Il-programm Summer on the Move huwa mfassal b’tali mod biex dawk il-ġenituri li jwasslu lit-tfal fid-diversi ċentri, jkunu jistgħu jipparteċipaw f’attività sportiva ddisinjati apposta għalihom. Din is-sena ġew ukoll reveduti l-prezzijiet biex dejjem ikunu vantaġġużi speċjalment għal dawk li jridu jużaw is-servizz il-ġimgha kollha.  Il-programm jibda fl-14 ta’ Lulju u jintemm fil-5 ta’ Settembru 2014.

pr140933a.pdfpr140933a.pdf
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow