ĦAMSIN SENA TAL-KUNSILL NAZZJONALI TAN-NISA
Fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Dr. Owen Bonnici inawgura wirja fotografika sabiex tfakkar dan l-anniversarju importanti, wirja bl-isem ta’ A Pictorial Diary of Women in Maltese Society.
Il-wirja turi l-progress tan-nisa u l-iżvilupp li sar f’Malta sa mil-bidu tas-seklu 20 fejn l-organizatturi kisbu ritratti minn mużewijiet, arkivji u anke kollezzjonijiet individwali li juru l-involviment tan-nisa fis-soċjetà f’għadd ta’ professjonijiet differenti.
F’diskors qasir li għamel Dr. Bonnici stqarr li n-nisa f’Malta taw kontribut enormi matul is-snin kemm fl-iżvilupp ekonomiku kif ukoll fl-iżvilupp soċjali ta’ pajjiżna.
“In-nisa huma l-ommijiet tal-valur tal-perseveranza li għamlu lil dan il-poplu wieħed li ma jaqta’ qalbu minn xejn” żied jgħid Dr. Bonnici.
Minkejja dan, huwa spjega li meta niġu għall-istatistika għadna nsibu li n-nisa m’humiex parteċipi fid-dinja tax-xogħol daqs il-livelli Ewropej u filwaqt li sar ħafna xogħol f’dan is-settur xorta baqa’ xi jsir.
Il-Ministru Bonnici stqarr li l-Gvern qed jimplimenta politika li tinċentiva l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-karigi l-iktar għoljin ta’ pajjiżna. Filfatt huwa sellem lill-President Marie Louise Coleiro Preca li hija it-tieni President mara f’40 sena li l-pajjiż sar Repubblika.
Semma wkoll il-fatt li minn fost ħames persuni maħtura fil-qasam tal-ġudikatura, tlieta minnhom kienu nisa. Ilkoll ġew magħżula mhux għax huma nisa, iżda għax huma nisa li kienu eċċelenti fil-qasam tagħhom.
Intant il-Ministru Owen Bonnici rringrazzja lin-nisa kollha li servew lil pajjiżna matul is-snin kif ukoll irrikonoxxa l-ħidma tant essenzjali tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa.
Il-wirja li tinkludi firxa wiesgħa ta’ attivitajiet minn nisa jaħdmu r-raba għal nisa li laħqu President, l-ewwel nisa fil-korp tal-pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta, ġurnalisti, kantanti, maġistrati kif ukoll infermiera fost oħrajn, qed issir f’The Palace Hotel, Tas-Sliema, u ser tibqa’ miftuħa sat-3 ta Mejju.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en