JITNIEDA L-MALTA DIGITAL GAMES FUND BIEX JGĦIN LILL-ARTISTI FIL-QASAM DIĠITALI
F’attività li seħħet fit-Takeoff Business Incubator tal-Università ta’ Malta, IL-Ministru tal-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali Dr. Owen Bonnici ħabbar it-tnedija tas-sejħa l-ġdida għal proġetti taħt il-Malta Digital Games Fund. L-attività kienet ukoll indirizzata mir-Rettur tal-Università, il-Professur Juanito Camilleri, u mid-Direttur tat-Takeoff Business Incubator, Dr. Anton Bartolo.
Għall-ewwel darba dis-sena il-Malta Digital Games Fund se jkun qed jikkollabora mat-Takeoff Business Incubator sabiex jipprovdi għajnuna iktar ħolistika lill-benefiċjarji tal-iskema. Il-Ministru Bonnici awgura li din il-kollaborazzjoni tkompli tiftaħ it-triq għal sinerġiji bejn l-entitajiet u l-partijiet kollha involuti fis-settur tal-logħob diġitali. Huwa stqarr ukoll li “fi spazju ta’ ftit snin biss, il-qasam tal-logħob diġitali kiber u sar parti li tipprometti ħafna tas-settur tal-intrapriżi kreattivi, permezz tal-ħolqien ta’ impjiegi u ftuħ ta’ opportunitajiet ta’ internazzjonalizzazzjoni u innovazzjoni. Il-Gvern qiegħed hawnhekk jirrikonferma l-impenn tiegħu lejn dan is-settur permezz tat-tnedija ta’ dan il-Fond.”
Dan il-Fond, li huwa amministrat mid-Direttorat tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, jikkonsisti f’allokazzjoni mill-Gvern ta’ €100,000 bil-għan li jsostni l-iżvilupp ta’ logħob diġitali minn start-ups u kumpanija żgħar ibbażati f’Malta u li joperaw fil-qasam tal-logħob diġitali. Bħala inizjattiva li tindirizza intrapriżi fl-Ekonomija Kreattiva, l-għan aħħari huwa li l-qasam tal-logħob diġitali jissaħħaħ bħala prodott kulturali u kreattiv li jippromwovi lil Malta bħala hub ta’ kreattività diġitali.
Il-proġetti magħżula se jkunu mgħejjuna b’sa massimu ta’ €40,000, liema somma tkun mhux iktar minn 75% tal-ispiża tal-proġett. L-għotja tista’ tingħata lil kumpanija tal-logħob diġitali sabiex tiżviluppa logħba diġitali, iġifieri logħba li tintlagħab fuq mobile, tablet, PC, console-downloadable, casual, Flash jew browser/onlajn. Din l-għajnuna hija mistennija ssaħħaħ l-aspetti artistiċi, finanzjarji u tekniċi tal-proġetti.
Spejjeż eleġibbli għall-għajnuna taħt din l-iskema jinkludu d-disinn, kitba u storyboarding, ħolqien ta’ kontenut u programmar, definizzjoni tal-kunċett viżiv tal-logħba (karattri, sfond), mużika, ħolqien ta’ demo jew ta’ prototype tal-logħba, riċerka u marketing inizjali. Kumpaniji, partnerships u kooperattivi reġistrati f’Malta u li joperaw primarjament fil-qasam tal-logħob, intratteniment, media u ICT huma eleġibbli biex japplikaw.
Is-sejħa għall-proġetti se tkun miftuħa sas-27 ta’ Ġunju 2014, bit-tħabbir tal-proġetti magħżula mistenni li jsir lejn il-bidu ta’ Awwissu. Linji gwida għall-applikanti u applikazzjonijiet jistgħu jiġu iddawnlowdjati minn www.digitalgamesfund.gov.mt jew b’kuntatt mad-Direttorat tal-Kultura b’imejl digitalgamesfund@gov.mt jew bit-telefown fuq 22915073.
Se ssir ukoll laqgħa ta’ informazzjoni dwar l-iskema għall-applikanti prospettivi fit-Takeoff Business Incubator fl-Università nhar it-Tnejn 19 ta’ Mejju fis-6pm. L-attendenza hija b’xejn u r-reġistrazzjonijiet huma miftuħa billi jiġi kkuntattjat id-Direttorat tal-Kultura fuq digitalgamesfund@gov.mt
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en