Left arrow Mur Lura

IL-KUMPANIJA BAXTER SE TKABBAR L-OPERAT TAGHĦA B’190 ĦADDIEM IEĦOR

pr140927
Date Icon 01/05/2014

Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intarpriżi, Dr. Chris Cardona ħabbar li l-kumpanija Baxter se tkun qed timpjega 190 ħaddiem ieħor fl-impjant tagħha f’Malta. Dan wara li l-kumpanija Baxter kompliet tinvesti fil-faċilitajiet tagħha f’Malta u anke sabet l-appoġġ tal-Gvern.

30 minn dawn il-190 impjegat ġdid se jkunu fit-taqsima tal-Riċerka u l-Izvillup, waqt li 160 impjegat ieħor se jkunu qed jaħdmu fil-linji tal-produzzjoni. Fit-taqsima tal-R&D se jkunu impjegati diversi tekniċi f’diversi oqsma relatati mal-prodotti mediċinali tal-kumpanija u li jikkumplimentaw il-ħidma mwettqa minn taqsimiet oħrajn madwar id-dinja.

Il-Ministru Chris Cardona kien qed iżur il-kumpanija Baxter bil-għan li jqatta’ l-ewwel ftit minuti ta’ Jum il-Ħaddiem flimkien mal-impjegati li jgħatu s-servizzi tagħhom anke matul il-lejl.

“Ma stajniex infakkru s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u Jum il-Ħaddiem b’aħbar pozittiva aktar minn dik li qed ngħatu llum; żieda sostanzjali fin-numru ta’ impjegati li jaħdmu f’waħda mill-kumpaniji li għandha bazi b’saħħitha f’pajjiżna” saħaq il-Ministru Cardona.

Dr. Chris Cardona qal li din l-aħbar hija konferma oħra ta’ kemm l-istrateġija ekonomika ta’ dan il-Gvern miexja fid-direzzjoni t-tajba u qed toħloq impjiegi ta’ kwalità għall-Maltin.

F’diskors li għamel lill-impjegati tal-Baxter, il-Ministru Cardona rringrazzjahom u lil ħaddiema kollha Maltin tal-impenn u l-kontribut li jgħatu. “Il-ħiliet u l-bżulija tal-ħaddiem Malti huma s-sigriet ewlieni tas-suċċess ekonomiku li qed jikseb pajjiżna u ta’ dan ħaqqhom kull tifħir” qal il-Ministru Cardona.

Is-sena 2013 kien irreġistrat rekord ta’ proġetti b’invesitment dirett barrani approvati mill-Malta Enterprise. Il-Ministru Cardona qal li l-Gvern Malti huwa determinat li bl-istess enerġija pozittiva li wera fl-ewwel sena tiegħu jkompli jimmassimizza l-potenzjal ekonomiku biex Malta tkompli ssir l-art tal-opportunitajiet.

Huwa qal li l-Gvern kommess li jkompli jgħin lill-industrijali lokali u bl-istess mod kif wettaq il-proposti tar-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma għal familji determinat li mis-sena d-dieħla dan ir-roħs igawdu minnu anke l-industrija u n-negozji bil-għan li jingħataw spinta f’dik li hija kompettitività. Dawn il-mizuri jingħaqdu mar-roħs diġa mħabbar fil-fuel u fuq kollox fl-istabilità u ċ-ċertezza fil-prezzijiet.

Min-naħa tiegħu s-Sur Brian Tabone, Plant Manager ta’ Baxter, qal li l-kumpanija kienet qed tagħmel dan l-investiment fost l-oħrajn bil-għan li ssaħħaħ il-flessibilità u s-servizz fin-network globali fis-settur tal-manifattura. Huwa rringrazzja l-Gvern Malti għas-support li ta permezz ta’ inċentivi marbuta mal-investiment kapitali li l-kumpanija għamlet fil-makkinarju tagħha. 

Is-Sur Brian Tabone qal li l-kumpanija Baxter għandha storja twila u bazi b’saħħitha ta’ teknika u ħiliet f’Malta. Huwa sostna l-ħidma eċċellenti li l-impjegati tal-kumpanija wettqu matul is-snin waslithom jieħdu d-deċizjoni li jsaħħu l-presenza tagħhom f’Malta bl-ingaġġ ta’ 190 imjegat iehor, 160 fis-settur tal-manifattura u 30 fit-taqsima tar-riċerka u innovazzjoni. Il-proċess ta’ reklutaġġ beda fl-aħħar ġimgħat u mistenni jkun komlput fi żmien 3 jew 4 xhur.  

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow