JUM EWROPEW GĦAS-SOLIDARJETÀ BEJN IL-ĠENERAZZJONIJIET – ŻJARA MILL-ANZJANI FL-ISKOLA PRIMARJA TAT-TFAL
Għaċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Ewropew għas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana flimkien mas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni Żgaħżagħ u Sport Chris Agius għamlu żjara fl-iskola Primarja tax-Xewkija flimkien ma diversi anzjani fil-lokal.
F’din l-okkażjoni, l-anzjani kellhom iċ-ċans jiltaqgħu mat-tfal waqt il-ħin tal-iskola. It-tfal minn naħa tagħhom urewhom dawk li kienu qegħdin jitgħallmu l-iskola, fosthom fuq interactive white boards u fuq il-kompjuter. L-anzjani u t-tfal imbaghad iltaqgħu fis-sala tal-iskola fejn qasmu bejniethom ikel tradizzjonali Malti u ikel modern u anke tgħallmu mill-esperjenzi ta' xulxin.
Fid-diskors tagħha, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana qalet li hu l-irwol tas-Segretarjat tagħha li jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ momentum politiku billi juri li kull persuna li għandha għal qalba il-politika soċjali huwa lest li jingħaqad u jagħmel pass ‘il quddiem biex jegħleb l-isfidi u jaħtaf d-diversi opportunitajiet tal-popolazzjonijiet li qed jixjieħu. Saħqet li is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet hija valur ewlieni tal-gvern attwali u is-Segretarjat Parlamentari u għalhekk huwa impenjat li joħloq opportunitajiet ġodda fejn persuni ta’ etajiet varji jistgħu jingħaqdu biex jaħdmu id f’id.
“Huwa għalhekk li illum qegħdin fl-iskola tax-Xewkija biex nuru kemm persuni ta’ età varji għandhom potenzjal li jaħdmu id f’id biex itejbu l-ġejjieni għas-soċjetà Maltija. L-attività tal-lum tagħti impenn biex naħsbu fi forom ġodda ta’ solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, mibnija fuq għajnuna reċiproka u trasferiment ta’ kompetenzi u ta’ esperjenzi, kif ukoll attivitajiet li jiffukaw mat-tagħlim formali u nonformali.” Hekk saħqet is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana.
Justyne Caruana qalet li s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet tirrikjedi li jkun hemm koeżjoni soċjali, inklużjoni u parteċipazzjoni għal kulħadd, mingħajr ma nagħtu każ l-età billi jinħolqu opportunitajiet indaqs u aċċess għal servizzi u għal attivitajiet politiċi, soċjali, rikreattivi u kulturali.
Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni Żgaħżagħ u Sport, is-Sindku tax-Xewkija Paul Azzopardi, il-Prinċipal tal-kulleġġ ta' Għawdex u l-Amministrazzjoni tal-iskola.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en