KONSULTAZZJONI PUBBLIKA DWAR IL-LIĠI GĦAD-DANNI
Il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali se jkun qed iniedi konsultazzjoni pubblika dwar titjib fil-liġijiet dwar id-danni. Għal dan il-għan twaqqfet kummissjoni mmexxija mill-Avukat Paul Cachia.
Il-liġijiet dwar id-danni ċivili jirreferu għal varjetà wiesgħa ta' każijiet li fost l-oħrajn jinkludu inċidenti ta’ korrimenti jew imwiet kemm fuq il-post tax-xogħol u kemm f’ċirkostanzi oħra, każijiet ta' abbuż professjonali kif ukoll ħsara volontarja.
Filwaqt li l-valutazzjoni tat-telf attwali ta’ pagi jew qligħ ieħor hija sempliċi, il-kwantifikazzjoni ta' telf ta' qligħ fil-futur jew ħlas f’każijiet ta’ korriment personali li jinvolvu diżabbiltà jew mewt huma aktar diffiċli.
Fil-liġi Maltija hemm nuqqas ta’ dispożizzjonijiet legali dettaljati dwar dawn tal-aħħar u għalhekk, il-Qrati Maltin minn jeddhom fasslu sistema li fuqha jinħadem l-ammont ta' kumpens għal telf ta' qligħ fil-futur. Minkejja dan, il-kumpens għad-danni f'Malta huma meqjusa relattivament baxxi meta kkumparati ma' dawk fil-ġurisdizzjonijiet Ewropej.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja Kultura u Gvern Lokali għalhekk ħass il-ħtieġa li jeżamina s-sistema attwali ta' kumpens għal danni sostnuti mill-vittmi biex jara jekk hemmx lok għal titjib.
Għal dan il-għan inħatret kummissjoni li l-irwol tagħha se jkun li teżamina l-liġi attwali dwar id-danni ċivili, inklużi kemm id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Ċivili u s-sentenzi tal-Qrati Maltin, sabiex ikunu identifikati n-nuqqasijiet fis-sistema attwali, teżamina l-proposti għar-riforma li saru minn amministrazzjoni preċedenti, teżamina l-iżviluppi fi ħdan l-Unjoni Ewropea li hemm bżonn tittieħed konsiderazzjoni tagħhom kif ukoll għandha teżamina s-sottomissjonijiet tal-konsultazzjoni pubblika sabiex issir proposta lill-Gvern dwar l-aħjar triq ’il quddiem.
Il-membri tal-Kummissjoni huma Dr Paul Cachia bħala Chairman u Dr Charmaine Cristiano u Mr Frederick Zammit Maempel bħala membri. Il-ħlas tagħhom se jkun ta’ Euro 750 fix-xahar liċ-Chairman u Euro 450 lill-membri fix-xahar u l-Kummissjoni se tlesti xogħlha sa Diċembru 2014.
Il-persuni jew organizzazzjonijiet li jixtiequ jipparteċipaw f'dan il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-liġi għad-danni huma ġentilment mitluba jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom lill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali fl-indirizz elettroniku: damages.mjcl@gov.mt.
Il-Ministeru jieħu l-opportunità biex jirringrazzja lill-kontributuri kollha għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess ta’ konsultazzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en