ID-DOKUMENT AMBJENTALI TA' KONSULTAZZJONI LI ĦAREĠ IL-GVERN JIPPROVDI GĦAL-LIĠI DWAR IL-POLITIKA NAZZJONALI DWAR L-AMBJENT
Meta dalgħodu kien qed jitkellem fil-ftuħ tal-proġett LIFE+Baħar fill-Lukanda Excelsior, il-Ministru Leo Brincat ħabbar li d-dokument ambjentali ta' konsultazzjoni li ħareġ il-Gvern dwar it-twaqqif tal-Awtorità l-ġdida ambjentali jipprovdi għal-liġi dwar il-politika nazzjonali dwar l-ambjent.
Il-Ministru Brincat wera kif l-Kummissjoni Ewropea kienet ikkummentat b'mod pożittiv dwar id-designation taż-żoni protetti fil-baħar madwar pajjiżna.
Huwa qal li filwaqt li fis-sena 2007 14.4% taċ-ċittadini biss irriżultaw li kienu konxji dwar l-għarfien tal-bijodiversità f'pajjiżna, l-aħħar figuri juru li dan l-għarfien tela’ għal 28%.
L-istess jgħodd għall-għarfien dwar żoni protetti dwar in-network NATURA 2000.
Malta hija marbuta li tkabbar l-għadd ta' żoni marittimi meqjusa bħala designated marine areas sas-sena 2020.
Huwa qal li dan mhux biss marbut mal-obbligi tagħna fi ħdan l-Unjoni Ewropea, iżda għandu jkun ta' ġid ukoll għall-komunità lokali minħabba s-servizzi ta’ eko-sistemi li jipprovdu.
Il-Ministru Leo Brincat qal li baħar b’saħħtu jwassal għal produzzjoni tal-ikel sostenibbli, diversifikazzjoni tal-opportunitajiet ekonomiċi, ta’ rikreazzjoni u anke ta’ impjiegi fl-oqsma tal-konservazzjoni u l-immaniġjar.
Tenna li sabiex jintlaħaq dan il-għan hemm bżonn li l-istakeholders kollha jkunu involuti mill-bidu nett billi jiġu mistiedna jagħtu sehemhom f'kull pass li jittieħed.
Fl-indirizz tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes qal kull ma jmur hemm bżonn li nipproteġu aktar l-ambjent sostenibbli speċjalment għall-ġenerazzjonijiet futuri. Spjega kif proġetti bħal dawn jgħinu biex ikun hemm tagħlim u spjegazzjoni dwar l-ambjent naturali li ngħixu fih.
Galdes għamel referenza għall-fatt li l-għan tal-proġett hu li siti Ewropej li huma ta’ ċertu importanza jiġu rikonoxxuti, fost is-siti li jaqgħu taħt id-direttiva tal-Habitats hemm Posidonia oceanica, sandbanks, sikek u għerien li huma parzjalment taħt l-ilma.
Is-Segretarju Parlamentari qal li jinsab kunfidenti li dan il-proġett se jħalli l-frott tiegħu u li dawn se jkunu jistgħu jintużaw biex ikun hemm maniġġjar aħjar tal-ambjent.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva, Dr. Michael Falzon, laqa’ bil-ħerqa dan il-proġett, li huwa koordinat mill-MEPA, u ko-finanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.
Huwa sostna li l-għan li jrid jintlaħaq min-naħa tas-Segretarjat tiegħu huwa li jissimplifika l-aspett amministrattiv, jara li ma jkunx hemm burokrazija żejda, u kif ukoll iżid l-effiċjenza fl-entitajiet governattivi.
Dan il-progett LIFE+Baħar for NATURA 2000 se jgħin ukoll sabiex jiġi mwettaq il-ħarsien neċessarju fuq siti NATURA 2000.
Dr. Michael Falzon wera s-sodisfazzjon li l-proċess sabiex dawn is-siti protetti jiġu identifikati huwa avvanzat. Filfatt Malta diġà għandha 27 sit identifikati bħala ta’ importanza kbira għall-komunità u 13 oħra bħala siti protetti.
Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda li s-suċċess ta’ dan il-proġett huwa bbażat fuq il-koperazzjoni u l-parteċipazzjoni bejn l-imsieħba involuti. Għaldaqstant huwa jinkoraġixxi l-parteċipazzjoni tal-entitajiet kollha u tal-pubbliku in ġenerali.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en