Left arrow Mur Lura

IKTAR SERVIZZI GĦAL AMMINISTRAZZJONI AĦJAR TAL-ĠUSTIZZJA

pr140889
Date Icon 28/04/2014

Ir-riferti tan-notifiki tal-marixxalli fil-kawżi ċivili se jibdew jiġu komunikati permezz ta’ email lir-rappreżentanti legali tal-partijiet fil-kawżi.  Dan is-servizz, li se jingħaqad ma’ lista sħiħa ta’ servizzi ġodda tal-informatika li ġew implimentati fix-xhur li għaddew, se jidħol fis-seħħ f’Ġunju li ġej.

Dan ħabbru l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici f’konferenza stampa bl-isem: Amministrazzjoni tal-Ġustizzja – servizzi aħjar.

Sal-lum il-partijiet fil-kawża, permezz tal-prokuraturi legali tagħhom, iridu jivverifikaw fiżikament jekk saritx notifika lil xi xhud jew lill-parti l-oħra waqt il-proċeduri ċivili.  Din is-sistema kienet forsi tajba fis-snin li għaddew imma ċertament mhix waħda tajba fiż-żminijiet tal-lum u twassal għal dewmien żejjed fil-proċeduri.

Il-Gvern jemmen li bis-saħħa ta’ din is-sistema l-ġdida l-proċeduri se jitħaffew iktar u se jkun pass ieħor ’il quddiem.

Il-Ministru Bonnici sostna li, apparti minn għadd ta’ emendi legali u riformi legiżlattivi, fl-aħħar sena l-Gvern implimenta numru sostanzjali ta’ miżuri tal-informatika li jistgħu jidhru żgħar imma meta meħuda b’mod komplessiv qed jiffaċilitaw l-esperjenza ta’ min ikun qiegħed fil-Qorti fil-kamp ċivili.

Huwa fakkar li diġà ddaħħlet sistema li jintbagħat SMS lill-Avukati (u wara ġiet estiża lill-partijiet) meta kawża ċivili ma tkunx se tistema’, iddaħħlet il-faċilità li x-xhieda tal-partijiet f’kawża tintbagħat b’email lill-avukati tal-partijiet, iddaħħlet il-faċilità li wieħed jippreżenta atti ġudizzjarji f’Malta jew Għawdex indipendentement minn fejn din tkun qed tinstema’ u twaqqaf customer care magħmul minn tliet uffiċjali mħarrġa fil-Qorti biex jassistu lill-persuni li jattendu l-Qorti.

Il-Ministru Bonnici qal ukoll li fl-istess ħin sar xogħol fiżiku fil-bini tal-Qorti biex jiġu mtaffija sostanzjalment diffikultajiet li n-nies kienu jiltaqgħu magħhom – fosthom il-problema tal-kjus biex wieħed jidħol il-Qorti kmieni filgħodu u ġiet ukoll imtejba l-aċċessibbiltà tal-parti tad-dħul tal-bini nnifsu.

Jattendi għall-konferenza kien hemm il-Kummissarju għal-Liġijiet Dr Franco Debono.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow