SEMINAR KONSULTATTIV GĦAL-POLITIKA TA’DRITTIJIET TA’ PERSUNI B’DIŻABILITA IMNEDIJA
Is-Segretarjat Parlamentari għad-drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva illum organizza seminar konsultattiv bl-għan li joħorġu iżjed punti għal-Politika Nazzjonali għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.
Fetaħ dan is-Seminar is-Sur Oliver Scicluna, Ċermen tal-Kummisjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità billi sejjaħ għall-mument ta’ silenzju b’rispett lejn Gordon Cardona, persuna b’diżabilità li kien jaħdem il-Kumissjoni Nazzjonali għal-Persuni b’diżabilità u ħalliena jumejn ilhu. Oliver Scicluna semma li bħala ċermen tal-KNPD, hu qiegħed f’diskussjonijiet ma ‘Triangle People with Ability’ biex tibda tintuża arma ġdida għad-diżabilità f’pajjiżna.
Il-Ministru għal Familja u Solidarjetà Socjali Michael Farrugia ħabbar li qed jinħadem pjan bil-ħsieb li nibdew inħarsu lejn aktar servizzi innovattivi biex flok f’residenzi biss, dawk kollha fil-bżonn jingħataw attenzjoni individwali, u mhux dak li hu tajjeb għal persuna tajjeb ukoll għal oħra. Huwa żied jgħid ukoll li qed jiġu ipproġettati żewġ Hubs Soċjali fejn jistgħu jinġabru ċerti binjiet li jagħtu servizzi u wens lil persuni b’diżabilita` kif ukoll lill-anzjani.
Huwa qal dan waqt li kien qed jindirizza attendenza numeruża waqt Seminar Konsultattiv – Politika Nazzjonali għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita`. Filwaqt li l-Ministru irringrazzja lill-ex chairperson Joseph Camilleri u gvernijiet preċedenti u anke l-knisja għall-ħidma tagħhom b’risq dan il-qasam, sostna li wasal iż-żmien li minflok nibqgħu ċentralizzati għandna mmorru fil-komunita`. Huwa qal li b’danakollu ma jħossux kuntent b’dak li qed isir għax hemm ferm aktar xi ntejbu u nibdlu fosthom li l-persuna li ssir dipendenti tibqa’ tgħix u tingħata l-attenzjoni meħtieġa fil-komunita`.
Il-Ministru Farrugia qal li kulħadd għandu bżonnijiet differenti u jaqbel li nibdlu sistema li tista’ ġġib aktar tbatija. Sostna li l-istatistika hija meħtieġa iżda persuna b’diżabilita` mhix numru, iżda persuna fiha innifisha. Għalhekk, żied jgħid li hemm il-ħsieb li jinħadem pjan ħolistiku sabiex issir ri-evalwazzjoni ta’ kif taħdem il-Fondazzjoni, u jekk hemm bżonn, minbarra t-tliet pilastri eżistenti jidħol ir-raba’ wieħed, jiġifieri dak tas-Servizzi fil-Komunita`. Huwa saħaq li hemm il-bżonn li l-maniġment ta’ dawn l-entitajiet tkun amministrata minn Kumitat Eżekuttiv u li l-entitajiet ikunu l-friegħi ta’ implimintazzjoni. Il-Ministru Michael Farrugia qal li b’din il-bidla fid-direzzjoni nkunu nistgħu niffukaw ferm aktar fuq il-bżonnijiet individwali u hekk tingħata għajnuna aktar personalizzata.
Min naħa tagħha is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva fetħet billi sellmet lil Stephen Spiteri, kelliem għal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet ta’Persuni b’Diżabilità li ma setax jattendi għall dan is-Seminar konsultattiv. Bdiet billi qalet li flimkien mal-pubbliku, il-gvern qiegħed iġib il-bidla f’dan il-qasam, mhux biss fil-mentalità iżda anke fil-viżabilità, għaliex dan il-qasam huwa ta’ priorità għall dan il-gvern.
Kompliet id-diskors tagħha billi qalet li tagħmel kemm tagħmel f’dan is-settur, qatt mhu biżżejjed, għaliex f’dan il-qasam it-tbatijiet huma kbar. Is-Segretarju Parlamentari qalet li bħall kif saret propju din il-politika, minn nies għall nies, bl-istess mod trid tiġi implimentata l-istrateġija għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Qalet li dan il-gvern jimxi billi jisma’ mingħand in-nies. Semmiet kif il-mixja ta’ dan id-dokument kienet waħda twila u ġejja minn nies f’oqsma differenti, iżda b’element komuni, dak li jaqbżu għad-drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana kompliet tgħid li dan is-seminar ġie strutturat biex idur b’mod ħolistiku mal-bżonnijiet u mal-isfidi li tesperjenza persuna. Qalet li diffiċli insibu is-soluzzjonijiet għall-kollox iżda f’dawn l-aħħar xhur ħdimna bla heda u hdimna minn qalbna. Għalkemm din il-politikahija pjattaforma li il-gvern qiegħed iniedi, din m’hix l-unika azzjoni u inizjattiva li għandna u li ser nieħdu.
Kompliet l-introduzzjoni tagħha billi ħabbret li fil-5 ta’ Mejju, is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva ser ikun qiegħed iniedi Standards Nazzjonali għar-Residenzi ta’ Persuni b’Diżabilità. Semmiet ukoll li bħalissa għaddejja f’diskussjonijiet mal-Ministru Joe Mizzi mal-Ministru Evarist Bartolo u mas-Segretarju Parlamentari Ian Borg.
F’din l-attivitá tkellmu wkoll Dr. Andrew Azzopardi u Michael Debattista, li ħadmu bi sħiħ fuq din il-politika. Is-Seminar tkompla b’workshops differenti tal-għażla tal-udjenza stess.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en