IL-MINISTRU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN DR. GEORGE VELLA JILTAQA’ MAL-PRIM MINISTRU TAL-ISTAT TA’ GEORGIA
Waqt żjara tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr. George W. Vella fir-Repubblika ta’ Georgia, il-Prim Ministru Irakli Garibashvili stieden lil Malta biex din tibgħat delegazzjoni kummerċjali għall-Business Forum li se jsir waqt iż-żjara tal-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso fit-13 ta’ Ġunju li ġej.
Waqt it-taħdidiet mal-Prim Ministru ta’ Georgia, il-Ministru Dr. Vella qal li Malta lesta li tagħti appoġġ konkret lil Georgia fil-ħidma tagħha li tkun eqreb tal-Unjoni Ewropea, fosthom b’nies li huma esperti fil-qasam tas-sħubija tal-Unjoni Ewropea, fil-qasam tan-negozju, edukazzjoni u turiżmu.
Il-Ministru Vella ta konferenza tal-aħbarijiet konġunta mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ Georgia, Maia Panjikidze, fejn tenna l-impenn ta’ Malta li tagħti appoġġ qawwi għall-aspirazzjonijiet politiċi ta’ Georgia, kemm għas-sovranità tagħha, u għall-aspirazzjonijiet tagħha li tkun qrib mal-Unjoni Ewropea fosthom bil-ftehim ta’ assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea u l-ftehim ta’ żona ta’ kummerċ ħieles li se jiġi ffirmat f’Ġunju li ġej.
Waqt il-konferenza Dr. Vella semma s-sitwazzjoni tar-reġjun li fih tinsab Georgia, fosthom bl-iżviluppi tal-Ukrajna, fejn iddikjara li Malta se tibqa’ tagħti sostenn kemm lil Moldova u anki lil Georgia biex dawn ikomplu jsaħħu r-relazzjonijiet tagħhom mal-Unjoni Ewropea, filwaqt li apprezza r-riformi li għaddej minnhom r-Repubblika ta’ Georgia biex itejjeb l-pożizzjoni tiegħu.
Waqt din iż-żjara l-Ministru Vella ltaqa’ wkoll mal-iSpeaker tal-Parlament ta’ Georgia, David Usupashvili li miegħu tkellem fuq kooperazzjoni fuq livell parlamentari. Aktar tard Dr. Vella ltaqa’ mal-Patriarka Ortodoss ta’ Georgia, Elia II.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en