“L-ENEMALTA U L-IMPJEGATI TAGĦHA MUTUR FL-EKONOMIJA TAL-PAJJIŻ”
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal dan dalgħodu wara li żar il-power station tal-Marsa, u ltaqa’ mal-ħaddiema u mal-management tal-Korporazzjoni Enemalta.
Dr Muscat qal li llum l-Enemalta m’għadhiex mażżra mifnija bid-djun u kontijiet għoljin, iżda saret mutur li qed tattira investiment barrani waħdieni li qatt ma rajna bħalu f’pajjiżna. Qal li għalkemm sena ilu l-Gvern sab mat-€800miljun dejn fl-Enemalta, proprju fl-aħħar sena il-Gvern irnexxielu jrażżan id-dejn tagħha u ffrankat €30miljun.
Qal li l-media li segwietu fiż-żjara ġewwa l-impjant, setgħet tinnota makkinarju antik li jmur lura għas-snin ħamsin, u tirrealizza l-ħtieġa ta’ modernizar għad-distribuzzjoni tal-elettriku. Total ta’ €1biljun qed jiġu investiti għall-ġenerazzjoni tal-elettriku f’interconnector, minn Electrogas Consortium u Shangai Electric.
Il-Prim Ministru rringrazzja lill-ħaddiema għall-kooperazzjoni u ħidma tagħhom, li fehmu x’qed jagħmel il-Gvern u x’ser ikun ifisser l-investiment barrani għall-ġid tagħhom u tal-familji dipendenti minnhom. Assigurahom li m’għandhomx għax jinkwetaw fuq il-futur tal-post tax-xogħol tagħhom. Qal li x-xogħol barra minn Malta mhux mandatorju iżda opportunità, fosthom għal inġiniera żgħażagħ; ser ikollhom ukoll opportunità li jaħdmu fuq l-impjant tal-gass.
Qal li issa minflok nimportaw l-enerġija ser inkunu f’pożizzjoni li nibdew nesportawha.
Dr Muscat qal li proprju l-bieraħ tħabbar uffiċjalment li l-ekonomija qegħda fis-sod: id-defiċit ta’ 3.3% li l-Gvern preżenti sab ma’ wiċċu sena ilu, niżel għal 2.8% – sinjal li l-budget ippreżentat mill-Gvern hu wieħed tajjeb u mħares favorevolment minn aġenziji u istituzzjonijiet finanzjarji barranin.
Il-familji qed jaraw u jmissu b’idejhom iktar flus fil-but, b’miżuri bħal tnaqqis fit-taxxa tad-dħul, il-kontijiet tad-dawl u ilma, ħlas lura tal-VAT fuq xiri ta’ karozzi, u childcare centres b’xejn.
Dan kollu riżultat tal-għaqal u pjani serji tal-Gvern li qed iwasslu għal kredenzjali pożittivi u kredibbiltà f’pajjiżna.
Fl-istess okkażjoni, il-Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi qal li l-Perit Joe Ellul Vincenti nħatar Acting Chairman minflok Charles Mangion li rriżenja, issa li ġie elett Membru Parlamentari.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en