STQARRIJA TAL-GVERN
€300 miljun tad-dejn sar taħt Gvern PN fl-ewwel 3 xhur tal-2013
Miż-żieda ta’ €372 miljun fid-dejn nazzjonali rreġistrata matul l-2013, €300 miljun filfatt seħħet fl-ewwel parti tas-sena, taħt it-tmexxija ta’ Dr Simon Busuttil u Dr Lawrence Gonzi.
Kemm ilha fil-kontroll tal-finanzi pubbliċi din l-amministrazzjoni, d-dejn pubbliku żdied b’€72 miljun biss.
Dawn huma fatti li Simon Busuttil ma jistax jiċħad.
Ilbieraħ l-aġenzija tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, ħabret li l-iżbilanċ fil-kontijiet pubbliċi naqas minn 3.3% tal-Prodott Gross Domestiku għal 2.8%. Minflok jilqa’ bi pjaċir din l-aħbar, il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jipprova jgiddeb lill-Eurostat u qed jinsisti li dan mhu minnu xejn. Minkejja li dawn il-figuri għaddew taħt l-iskrutinju tal-aqwa esperti fl-istatistika tal-kontijiet pubbliċi li għandha l-Kummissjoni Ewropea, Dr Busuttil qed jitfa’ suspetti kbar u qed jiffoka fuq żieda ta’ €400 miljun fid-dejn nazzjonali.
Dr Busuttil qed isostni li din it-tip ta’ żieda qatt ma seħħet taħt Gvernijiet Nazzjonalisti. Il-verità hija ferm differenti. Ċifri tal-Eurostat fuq id-dejn nazzjonali jindikaw li s-sena li għaddiet id-dejn nazzjonali żdied b’7%. Fil-ħmistax-il sena li dam fil-Gvern, il-Partit Nazzjonalista d-dejn nazzjonali żdied b’165% jew bi €3 biljuni. F’disa’ minn dawn il-ħmistax-il sena, it-tkabbir fid-dejn nazzjonali kien relattivament daqs jew aktar għoli minn dak reġistrat fl-2013.
Parti sostanzjali taż-żieda fid-dejn nazzjonali li seħħet matul l-2013 grat taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista. Dak li suppost kellha tkun caretaker administration spiċċat wasslet biex fl-ewwel tliet xhur tal-2013, waqt il-kampanja elettorali, ikun hemm deficit fiskali ta’ €107 miljun. Dan kien l-akbar deficit finanzjaru li qatt ra pajjiżna mill-ewwel kwart tal-2008 – li inċidentalment kien ukoll matul kampanja elettorali. B’riżultat ta’ hekk id-dejn nazzjonali kiber minn €4.9 biljuni fl-aħħar tal-2012 għal €5.2 biljun f’Marzu 2013. Miż-żieda ta’ €372 miljun fid-dejn nazzjonali rreġistrata matul l-2013, €300 miljun filfatt sehhet fl-ewwel parti tas-sena.
Bl-istess mod, il-garanziji li jagħti l-Gvern għal dejn tal-kumpaniji statali żdied b’anqas minn €2 miljuni kemm ilha din l-amministrazzjoni. Fl-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista l-garanziji tal-Gvern kienu żdiedu b’€125 miljun.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en