IMNIEDI L-PREMJU NAZZJONALI ĦADDIEMA TAS-SENA 2014
Il-premju se jkun abbinat m’inizjattiva bil-għan li ttejjeb l-iżvilupp personali u professjonali tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u fil-komunità
Illum tnieda l-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2014.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli fissret kif dan il-premju jirrikonoxxi u jiċċelebra l-isfidi u x-xogħol eżemplari li jsir minn ħaddiema li ġejjin mill-isferi kollha tal-ħajja.
Il-Ministru Dalli semmiet kif dan il-premju jagħraf lill-ħaddiema fiċ-ċentru tal-ekonomija tal-pajjiż fl-istess ħin li hu ċelebrazzjoni u promozzjoni tad-diversità u opportunitajiet indaqs.
Għall-ewwel darba, il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena qed ikun abbinat m’inizjattiva Let Me Learn bil-għan li ttejjeb l-iżvilupp personali u professjonali tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u fil-komunità.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena, se jkunu jistgħu jiġu nominati ħaddiema f’waħda minn ħames kategoriji differenti li jinkludu l-Worker of the Year, l-Employer of the Year, Innovative Practice – Team of the Year, Role Model/Mentor of the Year u Manager of the Year. Fost ir-rebbieħa f’kull kategorija mbagħad jiġi dikjarat ir-rebbieħ finali.
Il-ħaddiema nominati jridu jkunu għamlu differenza, urew sens ta’ tmexxija distintiva, ikkontribwew għal dehra pożittiva u ħadmu biex setgħu jinkisbu riżultati tajbin fuq il-post tax-xogħol, fit-tim, fl-organizzazzjoni jew fil-komunità.
In-nominazzjonijiet jiftħu fil-31 ta’ Mejju u jagħlqu fit-30 ta’ Settembru.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en