DISKORS TAL-PRESIDENT MARIE-LOUISE COLEIRO PRECA WAQT L-INAWGURAZZJONI TAR-RESTAWR TAL-ISTATWA TA’ SAN GIRGOR. INIZZJATTIVA MILL-ORGANIZAZZJONI VOLONTARJA, WIRT IŻ-ŻEJTUN
Iż-Żwieten għandhom biex ikunu kburin u ferħanin li mhux biss għandhom din il-Knisja dedikata lill-Papa Girgor, imma li anke għandhom statwa daqstant artisitika tiegħu. Hija ħasra kbira li ftit jafu li l-istil arkittetoniku ta' din il-knisja żgħira huwa rari u nsibu binjiet ta' dan it-tip f'naħa oħra biss tal-Ewropa. Baqa' mhux iżjed minn nofs tużżana knejjes bħal din fl-inħawi tal-Pulja fl-Italja. Huwa interessanti l-fatt, u ta' min jagħmel riċerka dwaru, li dan l-istil partikolari ta' arkittetura reliġjuża huwa assoċjat mas u s-sekli V u VI. Allura, bilfors li, b'xi mod min fassal u bena l-knisja kien influwenzat minn dan l-istil għaliex jew kien iżur ta' spiss il-Pulja jew għamel snin residenti jgħammar hemm.
L-istatwa nnfisha ta' San Girgor hija skolpita fl-istil tal-iskola ta' skultura ta' dawk is-sekli. Għalhekk kemm il-Knisja kif ukoll l-istatwa huma wirt storiku imprezzabbli u jien inqishom bħala ġawhar artistiku li jagħmlu ġieħ mhux biss liż-Żejtun imma lil pajjiżna kollu. Jiena naħseb, u din hija idea personali tiegħi, li dawk li bnew il-Knisja ta' San Girgor u naqqxu l-istatwa tiegħu kienu influwenzati mill-istil hekk imsejjah Puljan Lombard għaliex meta nbenew dawn il-binjiet fil-Pulja, dak ir-reġjun kien vittma ta' attakki kontinwi marittimi mill-furbani li kienu jinfestaw dawk l-inħawi. U Meta nbniet il-Knisja ta' San Girgor, iż-Żejtun, ġebla l-bogħod mix-xtut ta' San Tumas u Wied il-Għajn, kien l--ewwel art li l-kursari kienu jsibu malli jirfsu Malta. Għalhekk il-massiċita ta' ħitan qawwija li jagħtu idea ta' fortizza u statwa robusta ta' persunaġġ li tagħti sens ta' sigurezza u integrita.
Issa, nħoss li nkun qed nonqos jekk ma niftakarx u ma nfakakrx l-importanza storika ta' San Girgor. Dan kien twieled f'familja nobbli Rumana meta l-Imperu Ruman kien qala d-daqqa tal-mewt minn idejn l-ewwel mewġa tal-barbari u t-tieni mewġa tal-Lombardi kinet qed tgħatti u tgħarraq taħtha dak li kien baqa mill-imperu fl-Italja. Il-familja ta' Girgor kienet sinjuruna u huwa meta kiber sab ruħu gvernatur ta' Ruma. Imma, Girgor kellu kuxjenza soċjali rqieqa. Għażel li jirriżenja mill-kariga ċivili tiegħu, jbiegħ l-propjeta’ kollha tal-familja biex iwaqqaf 7 kunventi kbar tal-Benedittini biex dawn jieħdu ħsieb u jindukraw il-foqra u t-tallaba, l-imġewħa u l-mifnijin ta' Ruma li f'ħakka t'għajn kienet tilfet mhux biss l-imperu imma sabet ruħha fil-pożizzjoni imwegħra ta' belt kapitalin imperjali mingħajr imperu u provinċji. Meta lanqas dawn is-7 monasteri ma servew biex jitimgħu l-popolazzjoni, Girgor appena sar Papa, organiżża l-aħħar oqsma tal-familja fi Sqallija biex mill-qliegħ u l-prodotti tagħhom jitma l-mijiet ta' imġewħa f'Ruma.
Girgor ma rebaħx mill-Istorja t-titlu ta' IL-KBIR ta' xejn. Dan il-bniedem li huwa meqjus bħala wieħed mill-fundaturi tal-Ewropa li nafu llum u li kellu personalita kreattiva tremenda, ma kienx jaf jorqod jekk ma jispirax lil kull min imiss miegħu b'impenn soċjali u attiviżmu pożittiv biex fejn hemm id-dlam ikkebbes id-dawl.
L-Istorja baqgħet issejjaħlu L-KBIR għal tliet kisbiet deċisivi li wettaq.
· Organizza l-artijiet tal-Knisja Kattolika biex jiżviluppaw sistema agrikola li għamlet mijiet ta' kunventi bħala ċentri ta' produzzjoni biex jonqos il-faqar u fl-istess ħin il-bdiewa li jaħdmu l-artijiet ma jibqgħux ilsiera tas-sidien nobbli. Hekk waqqaf il-Patrimonia Petri li ħadet is-sura tal-Papat kif nafuh illum.
· B'ħidma li ħadet 10 snin twal bagħat missjunarji fost il-Lombardi sakemm ikkonvertew u hekk ħoloq paċi fl-Italja li biż-żmien welled l-kultura Ewropea li sawwritlna ħsibijietna.
· Qiegħed is-sisien ta' ċivilta’ li xrobna mal-ewwel ħalib li ħadna meta b'kuraġġ u viżjoni li tara sekli l-bogħod, bagħat missjunarji Bendettini fost il-barbari tal-Ingilterra, l-Ġermanja u l-Bavarja biex jikkonverti u jittessera fil-Kristjanita’ Oċċidentali, anke meta Ruma u l-bliet Taljani kienu taħt l-minaċċja ta' barbari oħrajn.
Qegħdin taraw, għeżież Żwieten tiegħi, kemm intom ixxurtjati u kemm għandkom tkunu ħenjin u kburin li fostkom għandkom din l-istatwa storika u majestuża ta' wieħed mill-ikbar u l-aqwa persunaġġi li qatt għexu u ħadmu fl-Ewropa. Bi pjaċir u sodisfazzjon, inħossni onorata li qed nikxef din l-istatwa restawrata.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en