JITĦABBRU L-AVVENIMENTI LI ĦA JKUNU ORGANIZZATI BIEX JIĠI MFAKKAR L-10 ANNIVERSARJU TAD-DĦUL TA’ MALTA FL-UE
Waqt konferenza stampa fl-isfond tal-Forti ta’ Sant Anġlu s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea 2017 u Fondi Ewropej Ian Borg flimkien ma’ rappreżentanti tal-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali ħabbar l-avvenimenti li ħa jkunu organizzati biex jiġi mfakkar l-10 anniversarju tad-dħul ta’ Malta fl-UE.
Is-Segretarju Parlamentari qal li dawn huma ċ-ċelebrazzjonijiet għandhom ikunu ta’ nazzjon sħiħ, mhux ta’ partit jew ieħor. L-idea li xi anniversarju hu ta’ dak u xi anniversarju hu tal-ieħor jew l-oħra ma tħallikx tara verità storika li tħoll u torbot l-identità tagħna. Kull ġrajja bniet fuq it-tajjeb ta’ qabilha.
Dr Borg semma t-tliet persuni li isimhom huwa mnaqqax fuq dawn il-ġrajjiet: Ġorġ Borg Olivier, Dom Mintoff u Eddie Fenech Adami. Tlett irġiel li sawru l-istorja politika ta’ dan il-pajjiż fl-aħħar nofs seklu. Personaġġi differenti minn xulxin f’kull sens imma identiċi f’ħaġa waħda: l-imħabba lejn pajjiżhom.
Is-Segretarju Parlamentari qal li fit-30 ta’ April se niċċelebraw l-10 anniversarju tad-dħul ta’ Malta fl-UE, fl-istess post u fl-istess ħin li kienu saru ċ-ċelebrazzjonijiet fl-2004. Dakinhar, il-ġrieħi tad-diviżjoni politika dwar id-dħul forsi kienu għadhom ma fiequx. Huwa qal li llum żgur li dan mhux il-każ. Illum Malta saret Ewropea daqskemm hi Maltija.
Biex jiġi mfakkar dan l-anniversarju l-fondazzjoni ċelebrazzjonijiet nazzjonali ser torganizza numru ta’ attivitajiet. Fit-30 ta’ April ser isir spettaklu speċjali fil-Port il-Kbir li jinkludi wkoll show bid-dwal fuq is-swar. Waqt l-istess spettaklu se jkun għaddej ukoll spettaklu ta’ logħob tan-nar sinkronizzat mal-mużika fejn se jkun qed jagħlaq din l-attività.
Waqt l-istess serata se jkun hemm DJ Gareth Emery, wieħed mill-aktar DJ’s rinomati f’dan iż-żmien, fejn se jkun qed jagħti kunċert mill-aqwa mingħajr ħlas. Se jkunu qed jikkumpanjawh ukoll DJ’s lokali oħra: Carl Bee u J Joy.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en