IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI JUSTYNE CARUANA ISSEGWI X-XOGĦOL LI GĦADDEJ FIĊ-ĊENTRU TA’ MATUL IL-JUM ĠDID ‘OUTLOOK’
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana ltaqat mat-tim li qiegħed jieħu ħsieb ix-xogħlijiet fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ġdid għall-Persuni neqsin mid-dawl. Dan iċ-Ċentru huwa msejjaħ ‘Outlook’ u jinsab f’Ħal Qormi u ser ikun qiegħed jiffunzjona minflok iċ-ċentru eżistenti f’Santa Venera.
Justyne Caruana, fil-laqgħa tagħha mat-tim responsabbli minn dan iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum, saħqet dwar l-importanza li l-membri ta’ dan iċ-ċentru jiġu pprovduti bit-trasport kemm qabel u kemm wara li jattendu dan iċ-Ċentru, kif ukoll dwar l-importanza li dawn jiġu pprovduti l-ikel ta’ kuljum. Apparti minn hekk, is-Segretarju Parlamentari stabilixxiet deadlines għal dan it-tim biex jitlesta dan ix-xogħol. Fil-laqgħa, is-Segretarju Parlamentari kkummentat dwar xi xogħol li għadu jrid isir biex tiżdied l-aċċessibilità.
Wara din il-laqgħa, is-Segretarju Parlamentari sabet il-ħin biex tmur tinforma lill-membri li preżentament jattendu ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Persuni nieqsa mid-Dawl ta’ Santa Venera. Din kienet laqgħa informali bejn il-membri ta’ dan iċ-Ċentru u s-Segretarju Parlamentari biss. Permezz ta’ din il-laqgħa, Justyne Caruana tagħat serħan il-moħħ għal dawk il-persuni li kienu inkwetati fuq il-bidla bejn ċentru għall-ieħor. Spjegat lil dawn il-persuni nieqsa mid-dawl li din il-bidla ser tkun għall-aħjar u infurmathom b’servizzi li toffri l-aġenzija SAPPORT u li jistgħu jibbenefikaw minnhom.
Fuq l-istess nota, is-Segretarju Parlamentari ltaqat wkoll mal-Assoċjazzjoni li ser tkun qiegħda tippromovi Supported Employment f’pajjiżna. Is-Segretarju Parlamentari saħqet li l-qasam tal-impjiegi għall-persuni b’diżabilità huwa wieħed sensittiv ħafna, u hemm bżonn ta’ iktar minn struttura waħda biex tintlaħaq il-mira ta’ dan il-gvern. Semmiet wkoll li dawn il-persuni b’diżabilità għandhom ħafna abbiltajiet varji u għalhekk hemm bżonn nipprovdu iżjed opportunitajiet lil dawn il-persuni. Iddiskutiet ukoll fuq il-proġett gateway li ser jigi mniedi fi ftit ġimgħat u dwar il-ħtieġa ta' diskussjoni biex iktar persuni b'diżabiltà jkollhom l-opportunitajiet kollha f'kull qasam speċjalment fil-qasam tal-impjiegi.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en