MALTA SE TKUN IL-ĦAMES PAJJIŻ TAL-UNJONI EWROPEA LI SE TIRRATIFIKA L-KONVENZJONI TA’ ISTANBUL
Il-Ministru Helena Dalli tindirizza konferenza tal-European Network on Gender Violence
Malta mistennija tkun il-ħames pajjiż fl-Unjoni Ewropea li se tkun qed tirratifika l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika magħrufa bħala l-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Fil-fatt din il-konvenzjoni diġà tressqet fil-Parlament għall-ewwel qari.
Dan tħabbar mill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli meta kienet qed tindirizza konferenza dwar il-vjolenza fuq in-nisa magħrufa aħjar bħala European Network on Gender Violence.
Il-Ministru Dalli fakkret kif studju li sar mill-Aġenzija Ewropea dwar id-drittijiet fundamentali (Fundamental Rights Agency) wera kif il-vjolenza domestika taffetwa ħafna nisa.
Fost l-oħrajn dan l-istudju wera kif f’pajjiżna, tnejn u għoxrin fil-mija tan-nisa esperjenzaw vjolenza fiżika u/jew sesswali sa mill-età ta’ ħmistax-il sena, filwaqt li tlettax fil-mija esperjenzaw vjolenza fiżika mis-sieħeb tagħhom. Sitta fil-mija esperjenzaw vjolenza sesswali minn sieħeb filwaqt li ħamsa fil-mija minn persuni li ma kinitx is-sieħeb tagħhom.
L-istess studju wera kif sebgħa u tletin fil-mija għaddew minn xi tip ta’ vjolenza psikoloġika, tlieta u għoxrin fil-mija kellhom esperjenzi ta’ vjolenza fiżika, sesswali jew psikoloġika mit-tfulija filwaqt li mal-ħamsin fil-mija tan-nisa esperjenzaw xi forma ta’ fastidju sesswali.
Il-Ministru Dalli għamlet ukoll referenza għall-aħħar każ ta’ vjolenza domestika li kien rappurtat fil-media fi tmiem il-ġimgħa fejn l-allegat aggressur li huwa l-eks sieħeb tal-vittma jinsab fil-kustodja tal-Pulizija.
Dr Dalli saħqet li r-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul huwa pass ieħor ’il quddiem fl-impenn tal-Gvern biex jiġġieled kull forma ta’ vjolenza fuq in-nisa.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en