KONFERENZA EWRO-MEDITERRANJA TAX-XANDIR PUBBLIKU F'MALTA FIS-SENA 2015
Wara li s-sena l-oħra pajjiżna ospita l-Konferenza tal-European Broadcasting Union b'aktar minn mitejn parteċipant, il-konferenza annwali u l-Assemblea Ġenerali tal-istazzjonijiet radjutelevisivi Ewro-Mediterranji ser issir f'Malta f'April tas-sena d-dieħla wara sforzi u kuntatti li saru mill-PBS Malta u mill-Ministeru għall-Intern u Sigurta' Nazzjonali.
L- Organizzazzjoni tal-operaturi awdjovisivi nazzjonali u tax-xandir pubbliku COPEAM topera fi ħdan il-European Broadcasting Union u mistennija jieħdu sehem madwar 200 uffiċjal u rappreżentanti minn 27 pajjiż mill-Ewropa tal-Punent, Ilvant Nofsani u l-Golf Għarbi flimkien ma' organizzazzjonijiet internazzjonali tax-xandir pubbliku fosthom l-EBU u l-ASBU (L-Għaqda tax-Xandara tal-pajjiżi Għarab) Huma ser jiddiskutu fil-qafas tad-djalogu Ewro-Mediterranju l-opportunitajiet biex tikber il-kooperazzjoni bejniethom fix-xandir pubbliku, teknoloġiji ġodda, bdil ta' esperjenzi professjonali, kultura u edukazzjoni u għat-tisħiħ tad-djalogu permanenti bejn l-operaturi tax-xandir nazzjonali u pubbliku.
Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurta' Nazzjonali qed jagħti appoġġ finanzjarju u loġistiku biex din il-konferenzaimportanti tkun tista' ssir f'pajjiżna. Il-Ministru responsabbli mix-Xandir Nazzjonali, Dr.Manuel Mallia qal li din l-inizjattiva hi siewja ħafna sabiex inkomplu nelevaw ix-xandir nazzjonali fuq livell professjonali.
Din l-istess Organizzazzjoni COPEAM iddeċidiet li f'Settembru li ġej iżżomm f'Malta kors ta' taħriġ fil-Ġurnalizmu Kulturali għal ġurnalisti żgħażagħ minn pajjiżi tal-Mediterran u fdat lill-PBS biex tieħu ħsieb it-tħejjijiet meħtieġa. Fil-bidu t' Ottubru fuq talba tal-EBU, il-PBS ser tospita f'Malta, il-Eurovision Academy tal-pajjiżi kollha membri tagħha f'aċċent fuq l-iżvilupp professjonali għax-xandara tas-servizz pubbliku Ewropew; ser jiġu esperti tas-settur biex jiddiskutu l-prospetti ta' dan l-iżvilupp professjonali. Lejn l-aħħar t' Ottubru fuq talba tar-radjutelevizjoni tal-Italja, RAI, ser tinżamm f'Malta konferenza għall-pajjiżi fil-Mediterran li fihom jaslu l-programmi tar-RAI, fl-okkażżjoni tad-90 sena mill-bidu tar-radju Taljan, tal-50 sena tat-televiżjoni Taljana, tal-40 sena mill-ftuħ tal-Istitut Taljan tal-Kultura fil-Belt Valletta li jikkoinċidu mal-Presidenza Taljana tal-Unjoni Ewropea. Ser jattendu l-ogħla mexxejja tax-xandir pubbliku tal-Isvizzera, il-Kroazja, is-Slovenja, l-Albanija, Korsika, l-Eġittu, it-Tuneżija,il-Marokk, San Marino, il-Vatikan u Malta, u r-RAI ser ikun rappreżentat mill-Presidenta tiegħu Anna Maria Tarantola.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en