IL-GVERN MALTI JILQA’ B’SODISFAZZJON IL-FTEHIM PRELIMINARI DWAR L-UKRAJNA
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’isem il-Gvern Malti jinnota b’sodisfazzjon ir-riżultat tat-taħdidiet li saru dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna il-bieraħ f’Ginevra, u jilqa’ bil-ferħ il-ftehim preliminari li ntlaħaq, li jista’ jgħin biex titnaqqas it-tensjoni u titbiegħed il-possibilità li l-affarijiet f’dan il-pajjiż ikomplu jeħżienu.
Meta wieħed iqis f’liema stadju perikoluż waslet is-sitwazzjoni politika f’dan il-pajjiż, il-fatt li l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Federazzjoni Russa, l-Unjoni Ewropea, u rappreżentanti Ukreni poġġew flimkien għal taħdidiet kien diġà sinjal pożittiv. Ħafna kienu dawk li bassru li dawn it-taħdidiet kienu se jisfrattaw u ma jsirux.
Kien mertu ta’ kull min ħa parti li ntlaħaq dan il-ftehim preliminari li bih is-sitwazzjoni fl-Ukrajna tista’ tiġi taħt kontroll, u b’hekk titnaqqas it-tensjoni u titbiegħed il-possibilità ta’ kunflitt armat.
Il-Gvern Malti, matul kemm ilha għaddejja l-kwistjoni tal-Ukrajna, fil-fora kollha internazzjonali, saħansitra fl-aħħar Kunsill għall-Affarijiet Barranin li sar fil-Lussemburgu ftit ġranet ilu, dejjem wera fiduċja u tama fil-proċess diplomatiku, u saħaq li soluzzjonijiet għall-problema bħal ma għandu dan il-pajjiż jinstabu biss permezz ta’ diskussjinijiet madwar mejda.
L-appell li sar mill-partijiet kollha li ħadu sehem f’dan it-taħdidiet, biex jieqaf il-ġlied, tieqaf kull azzjoni militari, u jsiru taħdidiet dwar ix-xewqat tal-kommunitajiet konċernati fir-reġjuni milquta, huwa l-aqwa żvilupp li seta jsir bħalissa. Dan huwa biss pass zgħir il-quddiem, imma xorta żvilupp fid-direzzjoni t-tajba. Il-problemi l-kbar għadhom hemm u jridu jsiru sforzi ferm akbar, u ħafna aktar taħdidiet bejn id-diplomatiċi, u l-politiċi, biex tinstab soluzzjoni verament dejjiema.
Il-Gvern Malti jawgura li dan il-ftehim jigi fis-seħħ mill-aktar fis possibbli, u jisħaq li fl-istess ħin il-poplu Ukren għandu jigi megħjun bil-mezzi kollha possibbli, biex jegħleb il-kriżi politika u dik ekonomika u finanzjarja li qiegħed jiffaċċja.
Il-Gvern Malti jemmen li qabel xejn irid jieqaf it-tixwix, u t-tkeskis kontra xulxin ta’ dawk li huma favur ir-Russja, u dawk li jridu jibqghu Ukreni.
Il-Gvern Malti jemmen u jirrispetta is-sovranità tal-poplu Ukren, l-integrità territorjali tal-Ukrajna, u d-dritt sagrosant tal-poplu li bil-mezzi demokratiċi u fl-ambitu ta’ dak li tippermetti il-kostituzzjoni Ukrena, jiddiċiedu huma il-futur ta’ pajjiżhom, mingħajr ebda rikatt jew pressjoni politika jew ekonomika ta’ pajjiżi barranin.
Filwaqt li jawgura li l-elezzjonijiet Presidenzjali, u aktar tard dawk parlamentari, isiru bl-aktar mod demokratiku u trasparenti, il-Gvern Malti jawgura li l-Ukrajna jkollha President u parlament li jkunu verament rappreżentattivi tal-poplu Ukren kollu, u li jħarsu id-drittijiet u l-aspirazzjonijiet tar-reġjuni u l-popli differenti kollha li jagħmlu l-Ukrajna.
Il-Gvern Malti jifraħ lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), li għal darb’ oħra, bix-xogħol tajjeb u għaqli li qegħda tagħmel fl-Ukrajna, u li hija mistennija li tkompli tagħmel f’dan il-pajjiż fil-futur, wriet kemm din l-organizzazzjoni hija bzonnjuża, u kemm tista’ tkun effettiva meta tintuża kif suppost fi kriżi bħal dik li għaddejja minnha l-Ukrajna.
Il-Gvern Malti irid jinnota wkoll b’sodisfazzjon, l-isforzi li għamlu il-partitjiet kollha nvoluti f’dawn it-taħdidiet, u jifirħilhom li irnexxielhom għal darb’oħra juru li meta dawn il-forzi politiċi jaħdmu flimkien, u mhux kontra xulxin, jintlaħaq qbil, jinstabu s-soluzzjonijiet, u jittaffew il-kriżijiet. Ta’ dan għandna l-eżempji ċari u reċenti tal-kooperazzjoni li ntweriet fit-taħdidiet dwar l-Iran, u f’dawk biex tneħħew l-armi kimiċi mis-Sirja.
Fl-aħħarnett il-Gvern Malti, bħala stat membru tal-Unjoni Ewropeja, ma jistax ma jesprimix rikonoxximent speċjali lill-Barunessa Catherine Ashton, Rapprezentanta Għolja, u Viċi Pesident tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropeja, għall-mod eċċellenti li bih kapaċi twassal f’taħdidiet bħal dawn, l-opinjoni ffurmata u studjata tat-28 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropeja.
Ħajr speċjali wkoll irid imur għas-Segretarju tal-Istat Amerikan, John Kerry, u l-Ministru tal-Affarijiet Barrani tal-Federazzjoni Russa, Sergey Lavrov, għall-kapaċitajiet diplomatiċi tagħhom, u għall-impenn muri matul dawn it-taħdidiet.Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en