IL-PRESIDENT TILTAQA’ MAL-MEMBRI TAL-OPPOŻIZZJONI
Waqt laqgħa ta’ kortesija mal-membri tal-Oppożizzjoni mmexxija mill-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil, fil-Palazz il-Belt Valletta, il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li se tkun qed taħdem mill-qrib ma’ Dolores Cristina, li se tibqa’ Agent President ta’ Malta.
Il-President Coleiro Preca qalet li l-irwol ta’ Dolores Cristina mhux biss se jkun importanti meta hi tkun barra l-pajjiż, iżda meta t-tnejn li huma jkunu Malta biex jaħdmu flimkien għall-ġid tas-soċjetà.
Uriet is-sodisfazzjon tagħha għall-fatt li l-ogħla karigi fil-pajjiż qed jiġu okkupati min-nisa. Dan jawgura tajjeb, qalet il-President, biex ngħollu l-profil tan-nisa Maltin u Għawdxin filwaqt li nħeġġu aktar nisa jersqu ‘l quddiem u jidħlu fil-ħajja pubblika. Ingħaqad ma’ dan il-ħsieb il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil.
Il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-appoġġ sħiħ tal-Oppożizzjoni jitfa’ fuqha responsabilità akbar bil-għan li sservi lill-pajjiż bl-iktar mod denju u ġġib flimkien lil kulħadd.
Qalet li tinsab konvinta li l-poplu Malti u Għawdxi jaf jagħraf li jista’ jkun flimkien fl-istess waqt li jirrispetta d-differenzi fil-fehmiet li jistgħu jeżistu.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en