DISKORS MILL-MINISTRU GĦAT-TURIZMU DR. EDWARD ZAMMIT LEWIS WAQT L-OKKAŻJONI TAL-40 SENA MILL-EWWEL TITJIRA TAL-AIR MALTA
Sinjuri u mistednin distinti,
Huwa bi pjaċir u sodisfazzjon li qiegħed magħkom illejla għal dan il-jum tant speċjali hekk kif il-linja tal-Ajru Nazzjonali tagħna l-Air Malta qed tiċċelebra l-anniversarju tal-40 sena mill-ewwel titjira tal-Air Malta.
Erbghin sena ilu ħafna minnkhom li qiegħdin preżenti hawnhekk tistgħa tghid li kienu għadhom lanqas twieldu, filwaqt li oħrajn li kienu parti integrali mit-twaqqif ta’ din il-linja ta’ l-ajru, sfortunatament ma’ ghadhomx maghna.
Għal ħafna persuni li titwaqqaf linja ta’ l-ajru Maltija kienet biss ħolma jew xi ħaga mhux daqshekk vijabbli għaliex il-hsieb ta’ dawk kien li se nieħdu ‘over’ minn operaturi barranin. Il-Maltin ma jistghux ma’ jfahhrux id-determinazzjoni konvincenti ta’ l-eks Prim Ministru Dom Mintoff u l-eks Ministru Wistin Abela li ħadmu bla waqfien għat-twaqqif ta’ l-Air Malta. Dwar dan kemm ngħatu ħarsa lejn il-21 ta' Marzu, 1973 meta l-Parlament Malti approva mozzjoni tal-exPrim Ministru, Dom Mintoff, biex titwaqqaf kumpanija nazzjonali tal-ajru - l-Air Malta fost bosta korporazzjonijiet oħra fosthom l-Enemalta.
L-inizjattiva ferm tajba li titwaqqaf il-linja nazzjonali Air Malta fi żmien is-sebgħinijiet waslet biex il-poplu Malti bena pont mal-bqija tad-dinja. Dan wassal biex kattarna l-ekonomija fis-settur għat-turiżmu u li ħafna qalgħu l-għixien min din l-industrija li hija ta’ mportanza kbira u aktar ma tmur tkompli tikber. Fil-fatt preżentament il-qasam Turistiku jammonta għal-25% tal-prodott gross domestiku.
Is-servizzi bl-ajru għalina huma kruċjali ħafna kemm sabiex iġibu t-turisti li jżuruna kif ukoll biex jintużaw mill-Maltin sabiex isiefru fuq xogħol, edukazzjoni u btala. Għaldaqstant dan il-‘link’ kien, huwa u jibqa’ ta’ mportanza kbira għalina l-Maltin. Hawnhekk tispikka r-relazzjoni bejn it-turizmu ‘incoming’ u dak ‘outbound’. Dan gżaliex l-vijabilità tas-servizzi bl-ajru hija fil-fatt dipendenti fuq it-tnejn li huma, b’madwar 20% tal-passiġġieri li jinġarru mill-linji tal-ajru li joperaw ir-rottot li jgħaqqdu lil Malta b’mod dirett ma’ 83 destinazzjoni madwar id-dinja jkunu residenti Maltin.
F’dan l-ambitu, l-Air Malta għandha rwol prinċipali bħala l-linja tal-ajru nazzjonali tagħna. Linja li m’hux biss tibqa l-akbar waħda li topera lejn Malta izda tibqa’ wkoll waħda mill-aktar importanti għas-suq tal-ivvjaġġar tal-Maltin. Linja tal-ajru li mhux biss isservi ta’ vettura ewlenija sabiex il-Maltin u t-turisti jkunu jistgħu jivvjaġġaw minn u lejn pajjizna izda wkoll hija parti mill-politika tat-turizmu ta’ pajjizna.
Ir-ristrutturar tal-Air Malta issa jinsab għaddej u naturalment involva deċizjonijiet li kkommettew miljuni kbar minn flus u deċizjonijiet li sfurzaw il-bejgħ ta’ numru kbir ta’ assi li kienu tal-kumpanija u deċizjonijiet li xekklu lill-Air Malta milli tespandi s-swieq tagħha fi ħdan l-Unjoni Ewropeja. Konvint li l-ħidma li saret sa issa - il-Bord, il-Management u intom il-ħaddiema tal-Air Malta, bis-sagrifiċċji li wettqu dawn l-istess ħaddiema, fl-aħħar xhur issa qegħdin iħallu l-frott. Illum għandna Air Malta li reggħet kisbet il-fiduċja, li qiegħda żżid ir-ritmu tax-xogħol minflok ma tirtira mis-swieq u li qiegħda tħares lejn l-opportunitajiet u l-isfidi b’determinazzjoni.
Matul dawn x-xhur fhimna li sabiex nimxu ‘l quddiem jeħtieg li nintegraw lill-AirMalta b’mod mill-aktar dirett fil-pjanijiet li għandna sabiex inkattru l-benefiċċji tal-industrija turistika tagħna. Dwar dan irridu naħdmu id’f’id mal-ħaddiem ta’ din il-kumpanija. Iva, din hi l-politika tagħna!
L-Air Malta hija pern ewlieni fis-sostennibilità u vijabilità tat-turiżmu tagħna. Għandna industrija turistika b’saħħitha li baqgħet għaddejja fuq ritmu ta’ tkabbir u twessiegħ li qiegħed jagħti palata lis-setturi l-oħra tal-ekonomija tagħna. U għandna Air Malta li mhux biss qegħda tikkontribwixxi għal dan is-suċċess izda reggħet bdiet tgawdi minnu hi ukoll.
Niftakru b’mod ottimist kemm din il-kumpanija ta’ l-ajru li ħafna għandhom ikunu grati lejha, għal ħiliet neċessarji li kisbu, kumpanija li ħadmet eluf ta’ ħaddiema direttament u indirettament, kumpanija li kienet tant b’saħħitha saħansitra kellha lukandi u kumpaniji ta’ l-ivjaġġar fost ohrajn. Din hija l-istorja ta’ kumpanija li l-ħiliet li kiesbu ħaddiema tagħha taw investituri barranin il-fiducja li jinvestu f’Malta, għax sabu li f’Malta hawn kwalitajiet u esperjenzi fl-avjazzjoni. Xhieda ta’ dawn huma kumpaniji tal-manutenzjoni, u operaturi ta’ l-ajru oħra li fetħu hawn Malta.
L-Air Malta hija kumpanija b’esperjenza vasta, li wieħed jista anke jinnota mill-flotta varjata li tajret matul iż-żminijiet. Mill-‘Boeing seven twenty (720)’ għal-bak ‘one eleven’ (BAC1-11), mill ‘ATP’ għal ‘Avros’, għal ‘Airbus three ten (310)’, ‘Boeing seven three sevens (737s)’ u l-familja ta’ ‘l-Airbus three twenty (320)’. Flotta sostnuta minn nies kapaċi li tajret il-bandiera Maltija għal erbgħin sena sħaħ.
Illum aktar min xejn huwa jum simboliku, fejn qed nilqgħu dan l-ajurplan b’ ‘retro livery’, li tfakkarna fl-ajruplan miżbuħ bl-ewwel lewn tal-Air Malta. ‘Livery’ li żgur ser iġib nostalġija izda hafna aktar ottimizmu. Din hija tifkira li nuru li l-linja ta’ l-ajru tagħna għandha storja u li kienet reżistenti għal sfidi kbar. Kumpanija mwielda mill-Maltin li matul dawn l-ahhar erbghin sena servit lil Maltin u tat appogg varju anke dak socjali.
Issa nghaddu biex nistiednu lil ‘Aircraft spotters’ madwar id-dinja jieħdu r-ritratti ta’ dan l-ajruplan speċjali, u nħallu lill-passiġieri jkomplu jkunu parti mill-istorja tagħna. Minkejja li ma ghandniex ninsew dwar is-suċċess li ksibna ghandna nkomplu nħarsu lejn l-isfidi b’xejra posittiva li għandna quddiemna.
Nikonkludi li filwaqt li nkunu kburin bl-Air Malta u l-erbgħin sena tagħha, issa nħarsu ’l quddiem għal mitt sena t’avjazzjoni f’Malta li ser tiġi mfakkra s-sena d-dieħla, u l-futur ta’ linja ta’ l-ajru li b’mod jew iehor kisbet is-simpatija ta’ dawk li esperjenzawha.
Grazzi tal-attenzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en