IL-GVERN IRID IMEXXI BL-EŻEMPJU U GĦANDU JKUN PROATTIV FIS-SETTUR TAL-QASAM U S-SIGURTÀ FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL – MINISTRU HELENA DALLI
L-OHSA b’seminar għall-Kunsilli Lokali dwar is-settur tal-kostruzzjoni
F’seminar organizzat dalgħodu mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għall-Kunsilli Lokali, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli tkellmet fuq l-importanza li aktar individwi u organizzazzjonijiet ikunu proattivi fil-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà.
Semmiet kif minkejja li fis-snin li ilha mwaqqfa l-Awtorità kien irreġistrat progress, l-aspettattiva tan-nies tibqa’ tiżdied mhux biss minħabba tibdil fil-mentalità u l-kultura iżda wkoll minħabba ż-żieda fir-rikonoxximent tal-benefiċċji li jirriżultaw meta jkunu mħarsa s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Il-Ministru Dalli saħqet li l-Gvern irid imexxi bl-eżempju u jkun proattiv f’dan is-settur bħalma sar meta fix-xhur li għaddew meta esiġa li jitneħħa saqaf tal-asbestos mill-bini viċin ta’ waħda mill-awtoritajiet tal-gvern li kien ta’ periklu għas-saħħa tal-ħaddiema.
Hija nsistiet li l-abbuż minn min jaħseb li n-nuqqas ta’ miżuri favur is-saħħa u s-sigurtà ser iżidulu l-profitt ma jistax ikun tollerat aktar. Dan, minħabba s-saħħa tal-ħaddiema u l-ispiża soċjo-ekonomika.
Il-Ministru Helena Dalli qalet li l-Kunsilli Lokali għandhom rwol importanti f’dan ir-rigward li jaċċertaw li l-pubbliku jkun moqdi aħjar fl-istess ħin li jassiguraw l-ogħla standards ta’ saħħa u sigurtà meta jsiru xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.
Is-seminar infetaħ mic-Chairman tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol Dr Deo Debattista.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en