STĦARRIĠ TAL-GRTU JINDIKA LI L-MAĠĠORANZA TAL-MEMBRI HUMA FAVUR RIFORMA FIL-ĦINJIET U L-ĠRANET TAL-FTUĦ TAL-ĦWIENET
Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona kien preżentat bi stħarriġ li għamlet il-GRTU dwar il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet.
Minn dan l-isħarriġ joħroġ b’mod ċar li l-maġġoranza tal-membri tal-GRTU, li huma sidien tal-ħwienet, huma favur li tingħata iktar diskrezzjoni lis-sidien infushom rigward il-ħinijiet u l-ġranet tal-ftuħ tal-ħwienet.
Il-Ministru Cardona, filwaqt li rrinġrazzja lill-GRTU ta’ dan l-isħarriġ, qal li dan se jkun ta’ għajnuna għax-xogħol li jinsab għaddej bħalissa fuq il-White Paper dwar il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet. Saħaq li l-Gvern, meta ħabbar din il-White Paper fil-budget ta’ din is-sena, kien qal li se jkun qed jikkonsulta mal-istake holders kollha kkonċernati kif filfatt qiegħed isir.
Il-Ministru spjega li fl-ewwel stadju ta’ dan il-proċess, saret konsultazzjoni wiesgħa ma stake holders interni li jinkludu prinċiparjament dipartimenti tal-gvern u entitajiet pubbliċi. Qal li l-feedback intern kien wieħed pożittiv ħafna u bħalissa dan qiegħed jiġi evalwat.
Fit-tieni stadju ta’ dan il-proċess ta’ konsultazzjoni se tiġi ppubblikata Consultation Paper. L-istakeholders esterni, li jinkludu Unions, Korpi Kostitwiti u Entitajiet oħra li għandhom interess f’dan il-proċess, kif ukoll il-pubbliku in ġenerali f’dan l-istadju se jkunu mistiedna jissottomettu il-feedback tagħhom.
Il-Ministru qal li l-Gvern wasal għad-deċizjoni wara li kien identifikat li l-ħinijiet tal-ħwienet kif nafuhom u kif tipprovdi il-liġi bħalissa qed joħolqu ċertu problemi lis-sidien kif ukoll lill-konsumaturi.
“Kien għalhekk li bħalha Gvern wegħdna li ser nirrevedu l-liġi kif inhi bħalissa, b’konsultazzjoni ma’ l-istakeholders, bil-għan li ntejbu is-sitwazzjoni kemm għas-sidien tal-ħwienet kif ukoll għall-konsumaturi” sostna Dr. Chris Cardona.
Il-Ministru Cardona qal li l-Gvern jagħraf l-importanza li joħloq il-kondizjonijiet neċessarji biex in-negozju jkun jista’ jibqa’ kompettitiv, jikber u jissaħħaħ. Dan ma jkunx possibbli jekk is-sidien tal-ħwienet ma jingħatawx il-kundizjonijiet li għandhom bżonn biex huma jissoddisfaw id-domanda tal-konsumatur skont il-bżonnijiet individwali tagħhom.
“Mill-banda l-oħra aħna konxji li ma’ nistgħux noħolqu sitwazzjoni fejn ir-regoli jispiċċaw għaliex nafu li jista’ jkun hemm minn jabbuża mis-sitwazzjoni għad-detriment, speċjalment, tal-ħaddiema u l-ġirien li jgħixu fl-inħawi tal-ħwienet. L-interess aħħari ta’ dan il-proċess huwa li nisimgħu lill-istakeholders kollha biex wara nkunu nistgħu nieħdu deċiżjoni għaqlija u li tirrifletti x-xewqat u l-interessi, kemm tas-sidien tal-ħwienet, tal-impjegati tagħhom, tal-konsumaturi u l-poplu in ġenerali” temm jgħid il-Ministru Chris Cardona.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en