IS-SUR SAVIOUR CACHIA JINĦATAR BĦALA L-KUMMISSARJU L-ĠDID GĦALL-INFORMAZZJONI U PROTEZZJONI TAD-DATA
Is-Sur Saviour Cachia huwa l-Kummissarju l-Ġdid għall-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data. Huwa ħa l-ġurament tal-ħatra dalgħodu mill-Avukat Ġenerali Dr Peter Grech fil-bini tal-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili.
Is-Sur Cachia daħal fis-servizz pubbliku fl-1976 fejn serva b’suċċess fil-Ministeru għall-Commonwealth u Affarijiet Barranin fid-Dipartiment tal-Informazzjoni u wkoll fil-Government Computer Centre u li aktar tard kien integrat mal-Management Systems Unit, MITTS u aktar riċenti MITA. F’dak iż-żmien huwa kien fdat bir-responsabilità li jintroduċi qasam ġdid fis-settur tal-informatika, dak tad-data management li kien jinvolvi data sharing protocols u data architecture standards.
Fl-1998, is-Sur Cachia mexxa working group inter-ministerjali għal reviżjoni u evalwazzjoni ta’ abbozz ta’ liġi dwar prattiċi ta’ informazzjoni. Dan l-abbozz kien jikkonsisti fi Protezzjoni tad-Data, Libertà tal-Informazzjoni u computer misuse.
Bejn is-sena 2000 u l-2001, huwa nħatar bħala membru f’kumitat inter-ministerjali fuq Cyber Legislation fejn kellu sehem attiv fl-evalwazzjoni tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data sabiex din tkun konformi mad-Direttivi Ewropej.
Fl-aħħar snin, is-Sur Cachia serva wkoll bħala membru f’diversi working groups fosthom għat-tfassil ta’ regolamenti ta’ Protezzjoni tad-Data għall-Pulizija sabiex il-korp seta’ jsir membru fi ħdan il-Europol u regolamenti simili għas-settur tat-telekomunikazzjoni. Huwa kellu wkoll sehem tul in-negozjati ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea f’materji relatati ma’ Protezzjoni tad-Data.
Is-Sur Cachia kellu wkoll sehem importanti fl-implimentazzjoni fuq livell nazzjonali tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data, fost l-oħrajn bit-twaqqif tad-Data Protection Unit fi ħdan il-MITTS filwaqt li għal dawn l-aħħar tlettax-il sena, huwa kien inkarigat mill-implimentazzjoni ta’ proġett dwar il-Protezzjoni tad-Data fis-servizz pubbliku li kien jinkludi l-Ministeri u d-Dipartimenti kollha tal-Gvern fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u eventwalment issa fi ħdan il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili.
Tul il-karriera tiegħu fis-servizz pubbliku, is-Sur Saviour Cachia pparteċipa f’diversi konferenzi dwar il-Protezzjoni tad-Data filwaqt li ta bosta pariri tekniċi lil Ministri konċernati dwar is-suġġett. Huwa kien involut ukoll fl-implimentazzjoni tal-Libertà tal-Informazzjoni fis-settur governattiv.
Il-ħatra tas-Sur Cachia bħala Kummissarju għall-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data hija b’effett mill-25 ta’ Marzu 2014.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en