Left arrow Go Back

IL-VJOLENZA M’GĦANDHA QATT TKUN ITTOLLERATA – MINISTRU HELENA DALLI

pr140786
Date Icon 14/04/2014

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza b’sett ta’ inizjattivi f’qafas ta’ proġett li se jistudja aħjar forom differenti ta’ vjolenza fuq in-nisa

Dalgħodu l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza tellgħet konferenza fejn nediet sett ta’ inizjattivi bil-għan li tqajjem kuxjenza akbar dwar il-vjolenza kontra n-nisa. Dawn huma parti minn proġett mifrux fuq sentejn intitolat Forms of Violence in Malta – a gender perspective u li qed jitmexxa mill-Kummissjoni nnifisha.

F’diskors tal-ftuħ, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli fissret din l-inizjattiva bħala pass ieħor ’il quddiem fl-impenn tal-Gvern biex jikkumbatti kull forma ta’ vjolenza kontra n-nisa. Hija spjegat kif permezz ta’ dan il-proġett, il-Gvern se jkun qed iwassal messaġġ ta’ tolleranza żero dwar il-vjolenza fuq in-nisa.

Il-Ministru Dalli kkwotat studju mniedi x-xahar li għadda u li sar mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijijet Fundamentali fost it-tmienja u għoxrin pajjiż membru li wera kif f’pajjiżna għoxrin fil-mija ta’ dawk li pparteċipaw esperjenzaw fastidju sesswali fit-12-il xahar ta’ qabel. L-istess studju wera wkoll kif tmienja fil-mija esperjenzaw cyber harassment sa mill-età ta’ 15-il sena.

F’dan ir-rigward, Dr Dalli tenniet l-impenn tal-Gvern li jirratifika l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar dan is-suġġett magħrufa aħjar bħala l-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li din diġà ġiet ippreżentata fil-Parlament Malti fl-istadju tal-ewwel qari.

Il-Ministru Dalli elenkat diversi inizjattivi meħuda sa issa mill-Gvern dwar il-vjolenza kontra n-nisa fosthom emendi fil-kodiċi kriminali li wasslu għall-projbizzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali u żieda fil-pieni għal offiżi sesswali fuq minuri. Il-Ministru Dalli tenniet l-impenn tal-Gvern li jitwaqqfu aktar strutturi  li jinkoraġixxu impjegati biex jirrappurtaw każijiet ta’ abbuż sesswali.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow