Left arrow Mur Lura

IL-FTUĦ TAL-EWWEL ĊENTRU TAL-VIŻITATURI TAL-PARK TAL-MAJJISTRAL HUWA FROTT L-IMPENN U L-ĦIDMA TA' KULL MIN TA' SEHMU

pr140779
Date Icon 13/04/2014

Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat

Il-ftuħ ta' dan iċ-Ċentru tal-viżitaturi tal-Park tal-Majjistral huwa prova ħajja u ċara li meta kulħadd jagħti sehmu nistgħu naslu u fil-fatt dan hu dak li qed isir.

Il-Gvern dejjem kien impenjat biex jara l-Parks ta’ pajjiżna mhux biss biex jissebbħu. L-emfasi fil-Majjistral għandha tkun il-ħarsien tal-ambjent mhux mittiefes, l-infurzar tal-liġi u biex jiġu restawrati partijiet li ġarbu ħsara matul is-snin  u jiġu mtejba. Iżda wkoll li dawn jitmexxew bl-aħjar mod xieraq. B'mod li jissodisfa lil ħaddiehor filwaqt li jkun ta' sodisfazzjon għalihom ukoll.

Mingħajr politika ċara favur l-immaniġġjar professjonali, għaqli u bieżel ta' dawn il-Parks difficli li wieħed jasal. Aħna nemmnu li mingħajr ma l-Gvern jabdika mir-responsabbitaljiet tiegħu, għandu jagħti l-aktar spazju wiesgħa possibbli lil dawk kollha li għandhom ir-rieda, l-impenn u l-entużjażmu biex imexxu attivitajiet bħal dawn b'mod professjonali fejn fl-aħħar mill-aħħar ikunu wkoll responsabbli ta' għemilhom.

Mingħajr l-impenn tal-eNGOs involuti, il-ħaddiema u dawk kollha li jiffaċilitaw dan il-proċess, l-okkażżjoni tal-lum, jew ma kinietx isseħħ, jew inkella kienet tkompli tkaxkar xhur oħra bla bżonn sakemm dan il-proġett iseħħ.

Waħda mill-prijoritajiet tagħna kienet sa mill-bidu nett li naraw li dan il-Park partikulari jitpoġġa fuq sisien sodi ta' tmexxija. Kif xtaqna naraw f'parks oħrajn wara kollox. Fejn kien hemm mijiet ta' eluf ta' Ewro dovuti lilhom mill-Gvern Ċentrali, aħna rajna li dawn il-pagamenti li kienu ilhom b'lura jitħallsu u fil-fatt hekk ġara.

Meta kien hemm bzonn Avviż Legali ħalli jkun hemm regoli maqbula fi ħdan qafas strutturat ħdimna flimkien u bl-għajnuna ta' kulħadd wasalna. Dan wara li dan kien ilu fuq l-ixkaffa.

Meta nħasset il-ħtieġa ta’ l-allokazzjoni ta' xi ħaddiema mis-servizz pubbliku biex inħaffu dan il-proċess, tlabna u wasalna. Li hu żgur hu, li sejrin inkunu qed neżiġu li  f'kull Park li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern ikun hemm pjan ta' tmexxija serju u impenjat:

•       Li min imexxi għandu  jħejji pjan ħolistiku ta' tmexxija għal ġejjieni.

•       Li juri u jżomm kontabilità sħiħa fl-amministrazzjoni tal-fondi allokati lilu.

•       Li minn naħa tagħna naraw li jkun hemm skrutinju serju u awditjar indipendenti ta' kif jintnefqu l-fondi, ghax fl-aħħar mill-aħħar dawn huma flus it-taxpayers Maltin u Ghawdxin

•       U li min jidhol għal biċċa xogħol simili jkun kapaċi jidentifika u jżomm mal-prijoritajiet tiegħu stess.

Dak li qed naraw illum huwa xhieda ħajja ta' kif bord appuntat mill-Gvern jista’ jaħdem spalla ma’ spalla mal-Federazzjoni li ħarget minn tliet eNGOs mingħajr ma l-Gvern joħnoq l-ispazju li dawn jeħtieġu biex jaslu fejn jixtiequ jaslu.

Issa li tlesta r-restawr ta’ l-ewwel binja tal-Barracks ta' Għajn Tuffieħa bit-tnedija ta' dan iċ-Ċentru ta' Viżitaturi, irridu naraw li l-proġett jitkompla kemm jista jkun malajr biex tintemm it-telqa u l-abbandun. Irridu naraw proġett ħolsitiku li jservi għal ħarsien tal-ambjent mhux mittiefes tal-park, għar-riċerka, edukazzjoni u attivitajiet soċjali, kulturali u ta’ rikreazzjoni għall-familji.

 Biex jitwettaq il-pjan meħtieġ b’ investiment sostanzjali.

Waqt li sat-2 ta' Mejju l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru se jkun qed jilqa’ sottomissjonijiet ta' espressjoni għall-park tal-familja f'Wied il-Ghajn, ma neskludux li jekk ikun hemm qbil bejn il-gvern, il-Management Bord tal-Park tal-Majjistral u l-Heritage Parks Federation, jiġu kkunsidrati serjament proposti mill-privat u li parti minn dawn il-binjiet ikollha skopijiet kummerċjali biex il-kumplament tal-park ikun jista’ jitmexxa b'mod sostenibbli. U dan mingħajr ma jiġi mittiefes xi dritt lil dawk li qed igawdu l-viżitaturi, b'xejn, sal-ġurnata tal-lum.

Min-naħa ‘l oħra, fil-ġejjieni qarib sejrin inkunu qed inħabbru dettalji dwar proġett pilot għat-tħaddir tal-komunitajiet.

Wara li identifikajna erbgħa lokalitajiet – Il-Fgura, Imsida, San Pawl il-Baħar u r-Rabat Għawdex, dawn il-lokalitajiet ġew mistiedna biex joħorġu b’ideat kif huma stess jistgħu jieħdu  sehem u jgawdu mill-fondi tal-proġett pilota mħabbar fil-Budget għat-tħaddir tal-kommunitajiet. Dawn il-lokalitajiet ġew mitluba jressqulna is-sottomissjonijiet tagħhom kif uħud minnhom diġa għamlu u jkunu jistgħu jitħabbru d-dettalji fil-jiem li ġejjin.

Nagħlaq kif bdejt. Grazzi lil kull min ta sehmu u lil kull min imexxi biex dejjem naraw titjieb f’dan il-Park. Ħajr partikolari lil dawk kollha mill-Bord tat-tmexxija, il-Federazzjoni u l-ħaddiema kollha li għenu biex dan il-pass importanti fl-evoluzzjoni ta’ dan il-park iseħħ.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow