STQARRIJA BI TWEĠIBA GĦALL-ISTQARRIJA MAĦRUĠA MILL-KELLIEM GĦAT-TRASPORT U L-INFRASTRUTTURA TONI BEZZINA
Oppożizzjoni negattiva li ma tridx li s-servizz tat-trasport pubbliku jirnexxi
Is-sistema tat-trasport pubbliku rat titjib sostanzjali u l-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura huwa konfortat biż-żieda ta’ iktar minn 300,000 f’passiġġieri fl-ewwel tliet xhur tas-sena. Iktar minn hekk, fl-istess perjodu, il-Gvern iffranka €200,000 fuq l-operat tat-trasport pubbliku.
L-għadd ta’ passiġġieri li ġarr l-operatur tat-trasport pubbliku f’Jannar 2014 kien ta’ madwar 2,914,148, li meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, ifisser żieda ta’ 5.3%. Bl-istess mod, f’Jannar 2014 kien hemm żieda ta’ 5.5% fil-bejgħ ta’ biljetti meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet. F’Jannar 2014, kien hemm tnaqqis fl-ilmenti ta’ 53%.
Is-sitwazzjoni tat-trasport pubbliku tjiebet wara d-diżastru li ħalla Gvern Nazzjonalista fit-trasport pubbliku, meta fl-istess ħin li wiegħed rivoluzzjoni ġdida, spiċċa joħroġ miljuni kbar biex il-pajjiż ħa biss servizz agħar milli kellu qabel.
Tajjeb wieħed ifakkar li hekk kif inbidlet l-amministrazzjoni, kienet diġa bdiet tixgħel il-bozza l-ħamra ta’ problemi finanzjarji kbar li kienet qiegħda ssofri l-kumpanija preċedenti, Arriva. Dan il-Gvern, mingħajr daqq ta’ trombi, medd idejh u daħal għal responsabbilta minflok tefa’ l-problema taħt it-tapit. Fost l-ewwel kisbiet li rnexxielu jagħmel, salva l-impjiegi ta’ mijiet ta’ ħaddiema li kienu f’riskju kbir li jispiċċaw barra, kieku l-kumpanija ddikjarat falliment u l-poplu kien jisbaħ fil-għodu mingħajr servizz ta’ trasport pubbliku.
Meta nqalgħet il-kwistjoni tal-bendy buses, u l-Gvern ħa d-deċiżjoni għaqlija li jneħħihom mit-toroq minħabba li ried jassigura s-saħħa u s-sigurta tal-pubbliku, dan wassal biex il-konġestjoni ta’ traffiku li kienu joħolqu dawn il-vetturi, tnaqqset ħafna.
Il-Gvern irnexxielu jagħmel l-aqwa negozjati mal-kumpanija Arriva, fejn mhux biss ma ħallas xejn iżda ħa l-assi kollha tal-kumpanija.
Matul dawn l-aħħar xhur, il-Gvern ħa diversi miżuri li minnhom ibbenefikaw il-passiġġieri, fosthom meta neħħa t-tariffa diskriminatorja bejn il-Maltin u l-barranin.
Minkejja din is-sitwazzjoni mhux talli l-perjodu ta’ tranżizzjoni qed jopera mingħajr skossi, talli t-trasport pubbliku f’idejn il-Gvern irreġistra titjib meta mqabbel mal-perjodu li fih kien amministrat mill-kumpanija Arriva.
Qabel sar il-bdil fil-prezz, fil-Park and Ride tal-Furjana kienu jipparkjaw medja ta’ 1,355 karozza fil-ġimgħa. Illum, wara li l-Gvern raħħas drastikament it-tariffa għal waħda affordabbli minn kulħadd, din il-medja telgħet għal 2,894 karozza, jiġifieri żieda ta’ 114%.
Għall-perjodu tas-Sajf, li fih normalment naraw żieda kbira fl-għadd ta’ passiġġieri, ħafna minnhom turisti, il-Gvern se jkun qed jikri 45 karozza tal-linja li huma Euro 5 u low floor. Permezz tal-ftehim li sar, il-Gvern se jkun qed jiffranka mal-€1.6 miljun bejn Mejju u Ottubru. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-karozzi jkunu jistgħu jibqgħu jintużaw mill-operatur il-ġdid, li mbagħad jiddeċiedi hu jekk jestendix il-kirja tagħhom, jixrihomx jew jirritornahom.
Quddiem il-kritika tal-Oppożizzjoni, jidher ċar li l-Partit Nazzjonalista huwa negattiv, mehdi biss biex ifixkel u biex ir-riforma ma tirnexxix, tant li f’sena sħiħa ma kkontribwixxa lanqas biss f’idea waħda.
Il-Gvern ried li l-kriterji mniżżla fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess ikunu għoljin biex fl-aħħar mill-aħħar, il-kumpanija li tintgħażel tkun dik li kapaċi tilħaq l-esiġenzi u li jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn l-aspett ekonomiku u s-soċjali.
Il-Gvern huwa konxju li din ir-riforma, li hija riżultat ta’ dak li wiret, għandha d-diffikultajiet tagħha li qiegħed jiffaċċjahom b’mod għaqli, iżda huwa konvint li se jasal għal servizz li jkun effiċjenti, ta’ min wieħed joqgħod fuqu u li jixraq lil kull min jużah.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en