INVESTIMENT TA’ MHUX INQAS MINN €200 MILJUN FIT-TISHIH TAL-AMBJENT PERMEZZ TAL-FONDI STRUTTURALI EWROPEJ 2014-2020
“Dan il-Gvern huwa kommess li fil-programm finanzjarju 2014-2020 jinvesti mhux inqas minn €200 miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fi proġetti favur it-tisħiħ tal-ambjent.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg waqt li żar ix-xogħlijiet li saru fuq iċ-Ċentru ġdid għall-iskart f’Ta’ Qali.
Is-Segretarju Parlamentari qal li permezz ta’ dawn il-fondi l-Gvern matul is-seba’ snin li ġejjin ħa jkompli jinvesti aktar fit-trattament tal-iskart, fit-trattament u l-konservazzjoni tal-ilma, fil-konservazzjoni tal-widien, kif ukoll f’aktar skemi li jippromwovu ġenerazzjoni ta’ enerġija nadifa.
Dr Borg tenna li l-Gvern jinsab f’pożizzjoni avvanzata fejn tidħol il-programmazzjoni tal-Fondi Ewropej 2014-2020. Fil-fatt fl-aħħar ta’ Marzu 2014 ġie sottomess il-partnership agreement u fil-ġimgħat li ġejjin ser jibda l-proċess ta’ konsultazzjoni rigward il-programmi ta’ operazzjoni skont l-iskadenzi mitluba mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-proġett ta’ Ċentru ġdid għall-iskart goff f’Ta’ Qali qiegħed ikun iffinanzjat minn madwar €3.8 miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2007-2013. Is-Segratarju Parlamentari qal li dan il-proġett jinsab fil-fażi finali tal-implimentazzjoni tiegħu u xħin ikun lest ser iservi bħala faċilità kkontrollata fejn il-pubbliku jista’ jmur bil-vettura tiegħu biex jarmi diversi oġġetti domestiċi b’mod isseparat. B’hekk ser ikun qiegħed jonqos ir-rimi illegali ta’ skart fil-kampanja u jitħaffef l-irkuprar ta’ materjal għar-riċiklaġġ minflok imur fl-engineered landfill.
Dan iċ-Ċentru għall-Iskart Goff f’Ta’ Qali ġie mibni fuq art ta’ madwar 3,800 metru kwadru u ser ikun qed joffri l-faċilità għall-ġbir tal-iskart agrikolu ġġenerat mis-suq tal-Pitkali, li jinsab biswit din il-faċilità. F’dan l-istess sit ser jiġi installat composter li għandu l-kapaċità li jittratta madwar 2.5 tunnellata ta’ skart bijodigradabbli kuljum.
Ic-Chariman tal-Wasteserv fl-indirizz tiegħu qal li bl-operat ta’ dan il-composter Malta tkun qed timxi ’l quddiem biex tilħaq il-miri tagħha fit-tnaqqis tal-iskart bijodigradabbli mill-miżbla.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en