STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA,KULTURA U GVERN LOKALI
Nhar il-Ħamis 3 ta’ April għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħaxija l-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Dr Owen Bonnici kien involut f’inċident tat-traffiku. Dr Bonnici kien qed isuq il-vettura privata tiegħu wara li spiċċa l-impenji Ministerjali tiegħu.
Il-Ministru kien qed isuq fil-by-pass ta’ Sta Venera fid-direzzjoni lejn il-Marsa. Hekk kif qabeż il-mina ta’ Sta Venera fil-parti fejn it-triq tiġi għat-telgħa huwa daħal f’karozza li kienet wieqfa b’mod perikoluż.
Is-sid tal-karozza kien qiegħed barra fit-triq, fuq in-naħa tal-passiġġier, flimkien ma’ persuna oħra. Fl-inċident il-karozza wieqfa laqtet sid il-karozza li sofra minn ksur fl-irkoppa. Huwa ddaħħal l-isptar għall-kura u ntbagħat id-dar jumejn wara.
Il-Ministru u s-sid ta’ din il-karozza fehmu t-tnejn li dan kien inċident sfortunat u ebda naħa ma għandha interess f’xi proċeduri fil-konfront ta’ xulxin. Huma qed jirriżolvu l-pendenzi ċivili bonarjament.
Min-naħa l-oħra l-Ministru jiddikjara li hemm proċess li jiġi segwit mill-Pulizija f’każijiet simili fis-seduta tat-Traffic u bħal kull ċittadin ieħor huwa se jsegwi l-kors normali f’każijiet bħal dawn. Fuq il-post tal-inċident issejħet il-Pulizija li għamlet rapport bħal ma jsir f’kull inċident ieħor.
Il-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali jiċħad ir-rapporti malizzjużi tal-media tal-Partit Nazzjonalista li qed jipprova jinqeda b’inċident sfortunat għal raġunijiet politiċi. Il-fatti assolutament ma humiex kif irrakkontati mill-Partit Nazzjonalista iżda huma skont din l-istqarrija.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en