ID-DIRETTORAT GĦAS-SAĦĦA TAL-PJANTI: LINJI GWIDA DWAR L-UŻU TAL-FRIEGĦI TAL-PALM FL-OKKAŻJONI TA’ ĦADD IL-PALM
Billi riesaq fil-qrib Ħadd il-Palm, id- Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti jixtieq jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li friegħi tal-palm li jintużaw għal skop ornamentali assoċjati ma’ din il-festa, għandhom ikunu ħielsa minn kwalunkwe sintomu assoċjat mal-Bumunqar l-Aħmar tal-Palm.
Għaldaqstant, id- Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti jixtieq javża li skont l-Avviz Legali 42 tal-2009, żbir ta’ siġar tal-palm ma jistax isir jekk mhux bil-permess ta’ dan l-istess Direttorat. Dan għandu jseħħ sabiex jigi evitat tixrid tal- Bumunqar l-Aħmar tal-Palm bħal ma diġa’ kien il-każ hawn Malta fis-snin li għaddew. Dan il-bumunqar iħaffer il-palm u kapaċi joqtol is-siġar f’perjodu qasir ta’ żmien. Il-ħanfusa kapaċi ttir distanzi twal biex tinfesta siġar oħra tal-palm.
Is-siġar tal-palm li minnhom isir iż-żbir tal-friegħi għandhom jiġu mbexxa b’pestiċidi addattati għal wara ż-żabra skont il-provvedimenti li jaqgħu taħt in-Notifika tal-Gvern Nru. 564 tal-2011. Dan it-trattament għandu jiġi ripetut għal tlett darbiet konsekuttivi biex nipproteġu bl-aħjar mod possibbli is-siġar tal-palm. Il-friegħi għandhom jiġu maqtugħa żgħar kemm jista jkun sabiex jitnaqqsu l-partijiet infettati li ġeneralment tkun ikkonċentrata fil-parti t’isfel tal-fergħa. Il-bażi tal-fergħa li tkun inqatgħet għandha tiġi mgħottija b’taħlita taż-żabra li taqgħad fuq il-ferita. Dan minħabba li l-Bumunqar l-Aħmar tal-Palm jiġi attirat minn dan il-qtugħ frisk sabiex jiddepożita l-bajd.
Il-palm kollu li minnhom jinqatgħu l-friegħi għandhom ikunu reġistrati mad-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti. Gewwa Ghawdex, bi ftiehim mal-Ministeru ta’ Ghawdex, friegħi jew qliebi tal-palm li jintużaw għal skop ornamentali f’Ħadd il-Palm ghandhom jittieħed biss mill-ġnien ta’ l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, taħt is-supervizjoni tas-sezzjoni tal-Afforestazzjoni u Ġonna Pubblici. Għal aktar informazzjoni u dettalji, wieħed għandu jċempel l’Uffiċċju ta’ Villa Rundle fuq in-numri 22156983/982.
Sabiex jiġi kkontrollat dan il-mard id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti jħeġġeġ għal koperazzjoni tal-pubbliku f’dawn l-attivitajiet ħalli dawn id-drawwiet jitkomplew mill-ġenerazzjonijiet futuri.
Għal aktar informazzjoni u gwida wieħed għandu jikkuntattja lill-Customer Care fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti fi ħdan il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, L-Ambjent u Tibdil fil-Klima fuq 22927106 jew fuq freephone 80072310. Wieħed jista’ ukoll jagħmel kuntatt permezz tal-posta eletronika plantquarantine@gov.mt jew iżur is-sit uffiċjali tad-Direttorat www.planthealth.gov.mt
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en