STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA U S-SAĦĦA
Min falla l-Enemalta, issa qed jigdeb biex jipprova jbeżża’ lill-ħaddiema tagħha.
Hija gidba assoluta dik tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li jgħid li dan il-Gvern mhux se jkun qed jippreserva x-xogħol tal-ħaddiema tal-Enemalta.
Huwa biss grazzi għall-ħidma u l-pjanijiet ta’ dan il-gvern li l-ħaddiema tal-Enemalta għandhom xogħol garantit.
Hija gidba wkoll, ta’ min m’għandux ideat u min irid biss ibeżża’ li l-ħaddiema tal-Enemalta se jkollhom imorru ta’ bilfors jaħdmu ma’ xi kumpanija Ċiniża.
Il-Gvern huwa kommess li:
• L-impjieg tal-ħaddiema kollha jkun garantit
• Il-kundizzjonijiet u l-pagi tal-impjegati, skont il-ftehim kollettiv, jiġu rispettati.
• Jinħolqu opportunitajiet ġodda barra minn Malta, fejn il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema tkun bl-għażla tagħhom u l-impjegati tal-Enemalta jkollhom l-ewwel preferenza għal dawn ir-rwoli qabel ma’ tinħareġ sejħa esterna mill-Enemalta
• Kif ukoll li l-impjegati li se jaħdmu fuq l-impjant tal-gass il-ġdid u dak ikkonvertit tal-BWSC se jkunu qed jaħdmu fuq dawn l-impjanti fuq bażi ta’ secondment.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil jaf tajjeb li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Managment tal-Enemalta u l-Unions ikkonċernati u għalhekk ikompli joħroġ b’mod mill-aktar ċar kemm l-unika intenzjoni tiegħu hija li jfixkel u jbeżża’.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, bħal donnu nesa wkoll li l-Gvern preċedenti, li minnu kien jagħmel parti, ħalla l-Enemalta falluta b’aktar minn 800 miljun Ewro.
Fl-istess waqt, il-Gvern preċedenti ma kellu l-ebda intenzjoni li jsir aktar investiment fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f’pajjiżna; xi haga li kienet se tfisser telf ta’ impjiegi għall-ħaddiema tal-Enemalta.
Għalhekk hija ipokrezija li min falla l-Enemalta u ħalla lill-haddiema f’inċertezza assoluta jipprova jbeżża’.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni, illum, reġa’ tkellem kontra l-investiment sostanzjali f’din il-korporazzjoni, mit-tieni l-ikbar ekonomija fid-dinja.
Għal kuntrarju tal-Gvern preċedenti, dan il-Gvern għandu pjan ċar għall-Enemalta biex din terġa’ tqum lura fuq saqajha u huwa biss grazzi għal dan li x-xogħol tal-ħaddiema tal-Enemalta se jibqa’ garantit.
Mhux minnu lanqas dak li qed jibqa’ jallega l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li l-Enemalta se tkun privatizzata.
B’differenza mill-Gvern ta’ qablu, dan il-Gvern ġab l-investiment meħtieġ f’din il-korporazzjoni, bil-maġġoranza tal-ishma xorta jibqgħu tal-korporazzjoni.
Il-ħidma ta’ dan il-Gvern f’dan ir-rigward ġiet anke iċċertifikata minn agenziji ta’ kreditu internazzjonali bħal Standard and Poor’s li saħansitra tellgħu l-outlook tal-korporazzjoni minn negattiv għal wieħed stabbli.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en