DISKORS TAL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU DR. EDWARD ZAMMIT LEWIS WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-FIERA ANNWALI TAL-IVVJAĠĠAR AMITEX
Sinjuri u mistednin distinti,
Sur Louis Giordimaina
Huwa bi pjaċir u sodisfazzjon li qiegħed magħkom hawn illejla fl-ewwel jum mill-ħatra tal-ġurament bħala Ministru għat-Turiżmu sabiex ninawgura din l-edizzjoni tal-Fiera Annwali tal-Ivvjaġġar organizzata mill-Linja tal-Ajru Nazzjonali tagħna l-Air Malta. Din hija fiera li issa saret avveniment mistenni mill-poplu Malti; poplu li għalih l-ivvjaġġar sar parti ntegrali minn ħajtu.
Malta hija destinazzjoni turistika ewlenija u popolari u ma jistax jonqos li f’pajjiż li jestendi daqshekk ospitalita’ lil mijiet ta’ eluf ta’ turisti kull sena illum ‘il gurnata għandna poplu li jsiefer ħafna ukoll. Fil-fatt matul is-sena li għaddiet, ġew irreġistrati xejn inqas minn 363,000 vjagg lejn pajjiżi barranin minn residenti Maltin: żieda ta’ 9.8% fuq is-sena 2012. Dan ifisser li kellna safra minn resident Malti għall kull 4.4 turisti barranin li żaruna.
Il-Maltin saru jsiefru ħafna, iqattgħu mat-3 miljun lejl barra minn xtutna u jonfqu madwar 370 miljun ewro fuq safar Id-destinazzjonijiet l-aktar popolari huma l-Italja bi kważi 110,000 turist Malti, ir-Renju Unit bi kważi 90,000, Spanja, Franza u l-Ġermanja li jattiraw bejn 15,000 u 20,000 turisti Maltin kull wieħed.
Bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jżuru l-gzira ġara ta’ Sqallija permezz ta’ servizzi ta’ transport marittimi, l-ivvjaġġar bl-ajru huwa l-mezz l-aktar prattiku u popolari għall-ivvjaġġar. Is-servizzi bl-ajru huma mportanti kemm sabiex iġibu t-turisti li jżuruna kif ukoll biex jintużaw mill-Maltin sabiex isiefru. U hawnhekk tispikka r-relazzjoni bejn it-turiżmu incoming u dak outbound. Dan għaliex l-vijabilita tas-servizzi bl-ajru hija fil-fatt dipendenti fuq it-tnejn li huma, b’madwar 20% tal-passiġġieri li jinġarru mill-linji tal-ajru li joperaw ir-rotot li jgħaqqdu lil Malta b’mod dirett ma’ 83 destinazzjoni madwar id-dinja jkunu residenti Maltin.
U hawnhekk tidħol l-importanza tal-Air Malta bħala l-linja tal-ajru nazzjonali tagħna. Linja li mhux biss tibqa l-akbar waħda li topera lejn Malta iżda tibqa’ wkoll waħda mill-aktar importanti għas-suq tal-ivvjaġġar tal-Maltin. Linja tal-ajru li mhux biss isservi ta’ vettura ewlenija sabiex il-Maltin u t-turisti jkunu jistgħu jivvjaġġaw minn u lejn pajjiżna iżda li wkoll issostni industrija sħiħa ta’ attivitajiet ekonomiċi li mhux bilfors jikkonsistu f’turiżmu.
Dan għaliex meta nitkellmu fuq l-Air Malta, irridu napprezzaw il-firxa ta’ servizzi ekonomiċi li din il-linja tal-ajru ssostni: it-turiżmu incoming u dak outgoing, il-ġarr tal-merkanzija mis-settur tal-manifattura tagħna kif ukoll servizzi postali u ġarr ta’ passiġġieri għal-skopijiet ta’natura medika. Dan juri li huwa ta' ħtieġa kbira li Malta jkollha linja tal-ajru tagħha għaliex il-livell ta’ mpenn ta’ linja nazzjonali jifrex ħafna aktar minn linji oħra li xogħolhom jikkonsisti biss f’li joperaw rotta jew numru ta’ rotot u jieqfu hemm. Li nsostnu kumpanija bħall-Air Malta mhux kapriċċ iżda ħtieġa kritika fid-dinja li noperaw fiha llum il-ġurnata.
Ir-ristrutturar tal-Air Malta issa jinsab għaddej u naturalment involva deċiżjonijiet li kkommettew miljuni kbar minn flus u deċiżjonijiet li sfurzaw il-bejgħ ta’’ numru kbir ta’ assi li kienu tal-kumpanija u deċiżjonijiet li xekklu lill-Air Malta milli tespandi s-swieq tagħha fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Konvint li l-ħidma li saret sa issa - il-Bord, il-Management u l-ħaddiema tal-Air Malta, bis-sagrifiċċji li wettqu dawn l-istess ħaddiema, fl-aħħar tnax ‘il xahar issa qegħdin iħallu l-frott. Illum għandna Air Malta li reġgħet kisbet il-kunfidenza, li qiegħdha żżid ir-ritmu tax-xogħol minflok ma tirtira mis-swieq u li qiegħda tħares lejn l-opportunitajiet u l-isfidi b’kunfidenza.
Matul dawn ix-xhur fhimna li sabiex nimxu ‘l quddiem jeħtieg li nintegraw lill-AirMalta b’mod mill-aktar dirett fil-pjanijiet li għandna sabiex inkattru l-benefiċċji tal-industrija turistika tagħna. Din hi l-politika taghna. M’hux ser niddejqu nieħdu aktar deċiżjonijiet fl-interess tal-kumpanija u fl-interess tal-pajjiż.
L-Air Malta hija pern ewlieni fis-sostennibilita u vijabilita tat-turiżmu tagħna. Għandna industrija turistika b’saħħitha li baqgħet għaddejja fuq ritmu ta’ tkabbir u twessigħ li qiegħed jagħti palata lis-setturi l-ohra tal-ekonomija tagħna. U għandna Air Malta li mhux biss qiegħda tikkontribwixxi għal dan is-suċċess iżda reġghet bdiet tgawdi minnu hi ukoll.
Nikkonkludi billi nsostni li l-ivvjaġġar mill-Maltin huwa xi ħaġa mportanti li napprezzaw u ninkoraġġixxu. Mhux biss għax dan jirifletti avvanz soċjali ta’ pajjiżna, iżda wkoll għax jgħin lill-Maltin japprezzaw aktar il-ġmiel ta’ dan il-pajjiż ċkejken iżda speċjali u jifhmu aktar xi jfittxu it-turisti li jżuruna. Jekk inkomplu nistmaw lit-turisti tagħna daqs kemm aħna nistennew li niġu stmati meta nsiefru, nistgħu nserrħu rasna li r-reputazzjoni li tgawdi Malta fil-qasam tal-ospitalita’ ikompli jiġi sostnut għall-benefiċċju ekonomiku kbir tagħna l-Maltin u l-Għawdxin.
Nawgura fiera mill-aqwa lill-esebituri kollha.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en