TIĠDID KONTINWU TA’ GVERN B’SAĦĦTU
Il-Prim Ministru sejjaħ il-ħatriet il-ġodda fl-eżekuttiv tal-Gvern bħala sinjal ta’ tiġdid kontinwu ta’ gvern li huwa b’saħħtu. Qal li l-persuni magħżula se jkomplu jaħdmu fuq it-tajjeb li diġà sabu biex jindirizzaw l-isfidi li hemm fl-isfond tal-enerġija qawwija li għandha din l-amministrazzjoni.
Dr. Joseph Muscat kien qed jitkellem f’konferenza tal-aħbarijiet ftit tal-ħin biss wara l-ġurament tal-ħatra ta’ żewġ ministri u ħames segretarji parlamentari ġodda.
Il-Prim Ministru radd hajr lill-President Elett Marie-Louise Coleri Preca u lill-Perit Karmenu Vella li, wara l-ħidma tagħhom fil-kabinett, se jkomplu jaqdu lil pajjiż fi rwoli ta’ importanza nazzjonali. Irringrazzja wkoll lil Godfrey Farrugia, li fis-settur tas-saħħa ħadem sew fuq oqsma li fihom ma sab xejn lest, u lil Franco Mercieca li ma xtaqx ikun parti mill-kabinett il-ġdid iżda li fadallu kontribut siewi x’jagħti speċjalment fil-qasam tas-saħħa f’Għawdex.
Dr Muscat qal li, fiż-żmien li ġej, il-Ministru Konrad Mizzi u s-Segretarju Parlamentari Chris Fearne se jindirizzaw sfidi fil-qasam tas-saħħa anke dawk li mhux marbutin ma’ kwistjonijiet mediċi imma wkoll maniġerjali, fosthom il-mediċini out-of-stock.
Dwar il-qasam tal-enerġija il-Prim Ministru qal li tliet ijiem ilu roħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma bin-nies jibqgħu trankwilli, f’turija li qed jafdaw li l-gvern iwettaq dak li wiegħed. Qal li prijorità tal-gvern għal ġejjini hija li jkun hemm stabbilità akbar fil-prezz tal-petrol u diesel.
Il-Prim Ministru qal li t-tiġdid la beda llum u lanqas m’hu se jispiċċa llum iżda se jkun wieħed kontinwu.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en