Left arrow Mur Lura

SENA TA’ REKORD FIL-QASAM TAT-TURIŻMU F’GĦAWDEX

pr140664
Date Icon 01/04/2014

·         Aktar minn €3 miljun injettati fl-ekonomija Għawdxija grazzi għal inizjattivi innovattivi tal- 
  Gvern

·         Il-Gozo Channel tnaqqas it-telf b’aktar min nofs miljun Ewro

·         Bdiet il-ħidma fil-qasam tal-bini tal-yacht marinas u tal-cruise liner terminal f’Għawdex


“Ħdimna biex lil Għawdex noffrulu inizzjattivi  innovattivi li jiffukaw fuq l-elementi uniċi tiegħu”. Qal dan il-Ministru għal Għawdex Dr. Anton Refalo, waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza stampa fuq il-ħidma tal-gvern fil-qasam tat-turiżmu f’Għawdex fl-aħħar sena. Dr. Refalo tkellem kif f’dan il-qasam, il-ħidma tal-gvern kienet iffukata fuq tliet pedamenti. L-ewwel għan kien biex tingħata aktar promozzjoni effettiva li għandha twassal sabex iktar turisti jiġu mħajra jaqsmu lejn Għawdex waqt iż-żjara tagħhom fil-gżejjer Maltin. It-tieni għan kien biex dawn l-istess turisti jqattgħu iktar iljieli f’Għawdex u t-tielet għan kien biex jiġu attirati aktar turisti speċifikament fil-gżira Għawdxija. B’sodisfazzjon il-Ministru Anton Refalo saħaq li grazzi għall-impenn kontinwu s-suċċess kien milħuq f’dawn it-tliet oqsma kemm fejn jidħol it-turist barrani u dak intern.

It-Turist Barrani

Fil-qasam tat-turist barrani, il-Ministru Dr. Anton Refalo qal kif is-sena 2013 rat żieda fit-turiżmu kemm fil-lukandi u anke fil-guesthouses fil-qasam tal-arrivals, in-numru ta’ ljieli u length of stay.  Filfatt, fil-qasam tal-arrivals is-sena 2013 rat żieda ta’ 11.7% fuq is-sena 2012. Fil-qasam tal-bed nights is-sena 2013 rat żieda ta’ 12.6% fuq is-sena 2012.

Fl-istess waqt, il-Gvern għaraf li l-gżira Għawdxija mhux biss għandha l-potenzjal biex tkun irreklamata b’mod separat minn Malta u tiġi żviluppata f’destinazzjoni turistika s-sena kollha, talli din għandha l-ingredjenti kollha biex tattira turist ta’ profil għoli. Il-Ministru Refalo qal li fis-sena li ġejja l-ħidma se tkompli bis-sħiħ biex it-timbru tat-turiżmu f’Għawdex ikun ibbażat fuq il-kunċett ta’ turiżmu responsabbli li jirrispetta b’mod sħiħ l-aspetti ambjentali, ekonomiċi, kulturali kif ukoll it-tradizzjonijiet lokali.

Dr. Anton Refalo sostna li l-pjan tal-ħidma għas-sena li ġejja se jkun qed iħares lejn setturi oħra li jistgħu jikkumplimentawh, fosthom il-yachting u dak tal-cruises. F’dan ir-rigward, Dr. Refalo ħabbar li l-ħidma bdiet kemm fil-qasam tal-bini ta’ yacht marina u cruise liner terminal. Għal dan il-għan, inħarġet is-sejħa għal espressjoni ta’ interess, li għaliha ntwera interess qawwi minn għadd ta’ kumpaniji. Dawn il-kumpaniji ġew shortlisted għal disgħa. Il-ħidma għaddiet għat-tieni stadju ta’ dan il-proċess li huwa l-abbozzar ta’ request for proposal. Dan jinsab fi stadju avvanzat u d-dettalji tiegħu se jkunu qed jitħabbru aktar ’il quddiem.

It-Turist Domestiku

Dr. Refalo tkellem ukoll fuq l-importanza tat-turist domestiku għall-gżira Għawdxija. Għal kull turist barrani li jiġi Għawdex jiġi wieħed Malti. Dan jikkuntrasta ma’ Malta fejn hemm turist intern għal kull 9 turisti barranin. Għalhekk dan il-gvern għaraf l-importanza lit-turist Malti jerġa’ jibda jħares lejn il-gżira Għawdxija bħala d-destinazzjoni attraenti għall-vaganza tiegħu.

F’dan ir-rigward inkiseb rekord ta’ suċċess ukoll. Is-sena 2013 rat żieda fit-turiżmu intern kemm fil-lukandi kif ukoll fil-guesthouses. Ir-rekords tkejlu fil-qasam tal-arrivals, bed nights u length of stay. Fil-qasam tal-arrivals is-sena 2013 rat żieda ta 5.7% fuq is-sena 2012. Fuq bed nights, is-sena 2013 rat żieda ta’ 4.5% fuq is-sena 2012.

Is-sena 2013 rat ukoll żieda fin-numru ta’ passiġġieri u vetturi li ġarret il-Gozo Channel. Fil-qasam tal-passiġġieri, il-Gozo Channel rat żieda ta’ 304,052 passiġġier fuq is-sena 2012. Il-kumpanija rat ukoll żieda ta’ 94,303 vettura bix-xufier li qasmu bil-Gozo Channel fuq l-2012. Din tfisser rekord ta’ żieda ta’ 398,355 passiġġier fuq is-sena 2012. Kien hemm ukoll żieda ta’ 115 il-vjaġġ mill-Gozo Channel meta mqabbla mas-sena 2012.

Dr. Refalo żvela kif grazzi għal dan is-suċċess li hu frott ħidma kontinwa, fl-ewwel sena il-Gozo Channel irnexxilha tnaqqas it-telf li kienet sabet fis-sena 2012. It-telf li kien jammonta għal 1.6miljun Ewro, tnaqqas b’aktar minn nofs miljun Ewro (€600,000).

Dr. Refalo tkellem fuq  il-prinċipji tal-kreattività u l-innovazzjoni li kienu użati bħala l-bażi li biha tiġi ġġenerata l-ekonomija Għawdxija. Huwa semma l-inizjattivi primarji li organizza dan il-Gvern immirati lejn it-turist intern fosthom il-Free Travel to Gozo Weekend f’Novembru, il-Bethlehem f’Għajnsielem f’Diċembru u t-Travel to Gozo Weekend Valentine Special fi-Frar. Grazzi għal dawn l-inizjattivi mhux talli l-Gozo Channel ġarret numri ta’ rekord assolut talli dawn l-esperjenzi qed iħeġġu lin-negozjanti biex ma jibqgħux iħarsu lejn Għawdex bħala l-post li tinvesti fih għax-xhur tas-sajf biss u qed jikkunsidraw li joħolqu aktar impjiegi matul is-sena kollha.

Dr. Refalo spjega kif għall-ewwel darba qed ikun hemm impatt dirett ta’ miljuni ta’ Ewro investiti lura fl-ekonomija Għawdxija u ħabbar kif dawn it-tliet inizjattivi biss fis-sena  li għaddiet  taw injezzjoni fl-ekonomija tal-gżira Għawdxija ta’ aktar minn tliet miljun ewro fuq is-sena 2012.  B’hekk ir-rota ekonomika fix-xhur kajmana tax-xitwa f’Għawdex baqgħet għaddejja b’ritmu sod u serviet ta’ nifs ekonomiku għall-operaturi u l-investituri Għawdxin. Dr. Refalo temm din il-konferenza billi ħabbar li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed jaħdem fuq inizjattivi innovattivi oħra għaż-żmien li ġej biex filwaqt li Għawdex ikompli jitpoġġa fuq il-mappa internazzjonali ikompli jissoda fil-qasam tat-turiżmu intern.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow