TITNIEDA L-INIZJATTIVA GĦAWDEX - FIDI U TRADIZZJONI
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo nieda uffiċjalment l-Inizjattiva Għawdex - Fidi u Tradizzjoni fil-Ġnien ta' Blankas fix-Xewkija fejn dan il-ġnien daqt se jinbidel f'Ġerusalemm biex jitfakkru l-aħħar jiem ta' Ġesu' Kristu, qabel ġie msallab u rebaħ il-mewt fl-Għid il-Kbir.
Il-Ministru Anton Refalo qal li, "waqt li kienet għaddejja l-inizjattiva Bethlehem f'Għajnsielem u deher li kienet se tkun suċċess kbir, tkellimt mal-kollaboraturi tiegħi dwar inizjattivi oħra marbuta mal-fidi u tradizzjoni. Kien minn hawn li nibtet l-inizjattiva Għawdex - Fidi u Tradizzjoni. Fit-3 ta' Jannar waqqaft kumitat li ġabar numru ta' inizjattivi li jsiru madwar Għawdex fil-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa. Illum min jagħżel lil Għawdex bejn il-5 u l-20 ta' April jaf fejn irid imur." Il-Kumitat tmexxa minn Dr Joe Mifsud u kien magħmul minn Charles Hili, Chistine Vella, Andrew Formosa u John Falzon.
Il-Ministru għal Għawdex irrimarka kif Għawdex hu mgħoni b'talent u dan kien l-iskop ta' din l-inizjattiva li niċċelebraw it-talent Għawdxi u nirrikonoxxu lil tant persuni li jiddedikaw il-ħin liberu tagħhom biex isiru dawn l-attivitajiet. Il-Kumitat li kkordina l-inizjattiva sab koperazzjoni mid-Direttorati varji fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, mid-Djoċesi ta' Għawdex, il-Parroċċi kollha, Għaqdiet varji u artisti.
Fis-snin li għaddew dawn l-attivitajiet marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid ftit li xejn kienu isibu spazju kif mistħoqq fil-media nazzjonali u ftit kienu jingħataw pubbliċità fuq is-social networking. Din is-sena permezz ta' din l-inizjattiva saru arranġamenti biex l-attivitajiet li jsiru fl-Irħula u Bliet Għawdxin ikunu miġbura fi ktejjeb, sar DVD promozzjonali imħejji mis-CVC, posters u għaddejja promozzjoni kontinwa fuq is-social networking.
Il-Kumitat tal-Inizzjattiva ffoka fuq tnax-il belt u raħal f'Malta fejn m’hemmx Purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira biex min joqgħod hemm ikun infurmat dwar l-attivitajiet li se jsiru f'Għawdex. Voluntiera Maltin qegħdin jgħinu fit-tqassim tal-materjal ta' informazzjoni. Il-Kumitat tal-Inizjattiva Għawdex - Fidi u Tradizzjoni rringrazzja L-MTA, MHRA, GTA u l-Gozo Business Chamber, l-MFA u d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali li bagħtu lil kuntatti tagħhom tagħrif dwar l-Inizjattiva u lill-media għall-appoġġ li qegħda tagħti din l-inizjattiva.
Fil-Konferenza tal-Aħbarijiet is-Sindku tax-Xewkija Paul Azzopardi u l-President tal-Għaqda Dramatika tax-Xewkija Charles Borg taw tagħrif dwar il-Fidwa, attrazzjoni unika fil-gżejjer Maltin li se tinfirex fuq medda kbira fiż-żona magħrufa bħala l-Ġnien ta' Blankas fix-Xewkija. L-attività se ssir is -Sibt 12 u l-Ħadd 13 ta' April 2014. Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo temm jgħid, "Smajtuni drabi oħra ngħid li fejn ikun hemm l-għaqda, l-koperazzjoni u l-inizjattiva naslu u nagħmlu ħwejjeġ uniċi hawn f'Għawdex.
Nappella biex dawk li se jkunu fostna f'dawn il-jiem ta' tifkira jingħataw merħba u servizz bi tbissima." Il-pubbliku jista' jikseb aktar informazzjoni billi jżur www.gozoculture.com, www.ecogozo.com jew wwwvisitgozo.com Kopji tal-programm jistgħu jinkisbu minn info@gozoculture.com.
Il-link għall-messaġġ promozzjoni hi http://www.youtube.com/watch?v=uPO7fQ8c-0U&sns=em
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en