Left arrow Go Back

TASAL F’MALTA L-EWWEL TITJIRA TAL-BRITISH AIRWAYS MINN GATWICK WARA NUQQAS TA’ 5 SNIN

pr140656mt
Date Icon 31/03/2014

Fl-istess jum, il-Fly Niki tagħmel ukoll it-titjira inawgurali minn Vienna

Tard ilbieraħ filgħaxija waslet l-ewwel titjira tal-British Airways mill-ajruport ta’ Gatwick. It-titjira inawgurali b’149 passiġġier immarkat ir-ritorn tal-linja tal-ajru Ingliża wara nuqqas ta’ ħames snin meta kienet waqqfet l-operat tagħha fl-2009.

Jilqgħu lill-passiġġieri mal-wasla tagħhom f’Malta kien hemm l-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Josef Formosa Gauci flimkien ma’ uffiċjali mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella ddeskriva r-ritorn tal-British Airways f’Malta bħala vot qawwi ta’ fiduċja lejn pajjiżna. Qal li l-Gvern dejjem irrikonoxxa r-rabta kbira li teżisti bejn żieda fl-aċċessibilità u s-suċċess fl-industrija tat-turiżmu. Karmenu Vella żied jgħid li t-titjiriet tal-British Airways bejn Malta u Gatwick se jkomplu jsaħħu s-suq Ingliż li f’pajjiżna huwa meqjus bħala l-aktar wieħed b’saħħtu.

Huwa rringrazzja lill-istakeholders kollha, b’mod partikolari lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għall-appoġġ kontinwu tagħhom biex jassiguraw suċċess ta’ din l-industrija turistika tant vitali għal pajjiżna.

Il-British Airways se tkun qed topera titjira kuljum sal-25 t’Ottubru filwaqt lil fil-perjodu tal-ħarifa u x-xitwa sad-29 ta’ Marzu 2015 se tkun qed topera ħames titjiriet fil-ġimgħa.

Sadanittant, aktar kmieni waranofsinhar, waslet ukoll l-ewwel titjira tal-Fly Niki minn Vienna b’112-il passiġġier, fejn din se tkun qed topera tliet titjiriet fil-ġimgħa lejn Malta kull nhar ta’ Erbgħa, Ġimgħa u nhar ta’ Ħadd.

Fiż-żewġ okkażjonijiet, l-ajruplani ngħataw merħba simbolika permezz ta’ tfigħ ta’ ilma minn żewġ vetturi tat-tifi tan-nar tal-ajruport filwaqt li nqasam ukoll kejk tal-okkażjoni.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow