TITWETTAQ IL-WEGĦDA ELETTORALI EWLENIJA TA’ ROĦS FIL-KONTIJIET TAD-DAWL U L-ILMA GĦALL-FAMILJI
F’konferenza tal-aħbarijiet fiż-Żurrieq, il-Ministru tal-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-ilma Konrad Mizzi ħabbar li minn għada, il-familji se jkunu qed jibbenefikaw minn roħs medju ta’ ħamsa u għoxrin fil-mija fuq il-kont tad-dawl u roħs ta’ 5% fuq l-ilma kif imwiegħed qabel l-elezzjoni ġenerali.
Qal li din kienet wegħda elettorali ewlenija li dan il-Gvern beda jaħdem mill-ewwel jum sabiex iwettaq.
Dan għaliex il-Gvern kien minn dejjem konxju mill-piżijiet li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma kienu qed ipoġġu fuq il-familji Maltin u Għawdxin u anke fuq l-industrija ta’ pajjiżna.
Qal li kien għalhekk li ħadem biex jassigura li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jkunu soċjalment aktar ġusti filwaqt li l-familji u n-negozji jkollhom tariffi li jkunu jifilħu jħallsu għalihom.
Il-Ministru Mizzi qal li b’dan il-mod qed nassiguraw li l-familji tagħnajkollhom aktar flus fil-but filwaqt li mis-sena d-diehla l-industrija, il-qasam turistiku n-negozji se jinghataw nifs għaliex il-Gvern huwa mpenjat li jwettaq il-wegħda li għamel magħhom ta’ roħs fil-kontijiet tagħhom.
Il-Ministru Mizzi fakkar li waqt li l-familji se jkunu qed jibbenefikaw minn dan ir-roħs, xorta se jibqgħu jibbenefikaw mill-eko riduzzjoni. L-istess japplika għall-dawk intitolati għall-benefiċċju tal-Enerġija.
Qal b’kollox se nkunu qed nagħtu lura lill-familji madwar 30 miljun ewro f’roħs fl-ilma u fid-dawl.
Saħaq li dan il-Gvern jemmen li dan ir-roħs huwa essenzjali għall-familji Maltin u Għawdxin, biex dawn ikollhom aktar flus fil-but u kwalità ta’ ħajja aħjar.
Temm jgħid li bl-aktar mod ċar, il-Gvern qed iwettaq dak li wiegħed mhux biss għax jemmen li l-familji u n-negozji ħaqqhom livell ta’ ħajja aħjar, imam għaliex b’hekk se jkun ukoll qed jagħti nifs lill-ekonomija ta’ pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en