PAJJIŻNA GĦANDU JAGĦTI IMPORTANZA AKBAR LILL-EARTH HOUR - IL-MINISTRU LEO BRINCAT
F'messaġġ fl-okkażjoni tal-Earth Hour li ġiet iċċelebrata s-Sibt filgħaxija fil-Valletta Waterfront il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat fisser kemm din l-okkażjoni simbolika hi ta’ importanza għal pajjiżna. Bi sforz konġunt bejn il-Gvern u n-Nature Trust flimkien mal-kollaborazzjoni ta’ oħrajn din l-okkażjoni setgħet tkun suċċess.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Leo Brincat qal li l-Earth Hour tant kibret f'avveniment importanti u globali li anke pajjiżi li huma fost l-akbar produtturi taż-żejt bħal Emirati Għarab Magħquda jfakkru din l-okkażjoni. Dan minkejja li r-riżorsi tal-enerġija bla limiti li għandu dan il-pajjiż, xorta waħda qed jinkoraġixxu l-użu bieżel u għaqli tal-enerġija.
Il-Ministru Brincat fisser kif la darba produtturi taż- żejt ħassew il-ħtieġa li jiċċelebraw l- Earth Hour wisq aktar pajjiżna għandu jagħti mportanza dejjem akbar lil din l-okkażjoni.
L-Earth Hour għandha tgħin ukoll biex issaħħaħ l-impenn favur l-Ambjent kif ukoll favur l-użu aktar effiċjenti tal-enerġija f'pajjizna. Il-Ministru Brincat fisser kif din l-okkażjoni hi ġest simboliku qawwi li għandha tilħaq lil kulħadd ta’ eta’, twemmin u minn sfond soċjali differenti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en