Left arrow Mur Lura

IL-MINISTRU GEORGE VELLA JIPPREŻENTA €247,775 LIL 20 NGO

pr140641mt
Date Icon 28/03/2014

Illum il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin reġa’ sostna l-impenn annwali tiegħu li jappoġġja finanzjarjament organizzazzjonijiet mis-soċjetà ċivili sabiex jimplimentaw proġetti f’pajjiżi li huma eleġibbli għal għajuna finanzjarja. Dan il-finanzjament huwa parti min-nefqa totali li Malta tiddedika kull sena għall-proġetti f’diversi oqsma ta’ żvilupp u assistenza umanitarja bħala parti mill-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (Official Development Assistance).

Din is-sena s-somma totali ta’ €247,775 se tmur lejn il-ko-finanzjament ta’ għoxrin proġett fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw fl-Afrika, l-Asja u l-Amerika Latina. Dawn il-proġetti se jkunu imwettqa minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Maltin bl-għajnuna ta’ voluntiera ddedikati u permezz ta’ sorsi ta’ finanzjament ieħor.

Matul il-preżentazzjoni tal-fondi li saret fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, George Vella faħħar l-impenn u d-dedikazzjoni tal-għaqdiet mhux governattivi fix-xogħol tagħhom man-nies tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. L-applikazzjonijiet ġew evalwati minn Bord tal-Għażla magħmul min sitt persuni, fosthom membri mill-Unità tal-Iżvilupp ġewwa l-Ministeru u membri esterni mill-qasam akkademiku u mis-soċjetà ċivili. Kull applikant kien eżaminat mill-Bord u kull proġett ġie evalwat fuq sett ta’ kriterji speċifiċi relevanti għall-Politika tal-Iżvilupp ta’ Malta.

Bosta mill-proġetti huma relatati mas-settur edukattiv. Dawn jinkludu l-bini ta’ skola ġdida fl-Uganda, l-estenzjoni ta’ skola fl-Etijopja, l-kostruzzjoni ta’ dormitorji fiċ-Ċad u l-Indja, x-xiri ta’ materjal akkademiku għal ċentru ta’ taħriġ għaż-żgħażagħ fit-Togo, u ċentru edukattiv fil-Kenja. Iż-żgħażagħ u l-isports qed jiġu indirizzati permezz ta żewġ proġetti fil-Gwatemala u fl-Indja bil-bini ta’ faċilitajiet ta’ sportivi.

Żewġ proġetti fil-qasam ta’ capacity building u women empowerment se jiġu implimentati fil-Marokk u l-Kenja li jiffokaw fuq il-ħiliet u t-taħriġ għan-nisa. B’dawn il-proġetti n-nisa se jiġu pprovduti b’tagħmir u taħriġ meħtieġ sabiex ikunu jistgħu ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom u jiksbu ħiliet speċifiċi. Dan se jgħin sabiex isiru indipendenti u għalsaqstant ikollhom prospetti aħjar għal impjieg fil-futur biex b’hekk ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.

Proġetti oħra huma mmirati lejn il-qagħda soċjali  ta’ tfal żgħar, fejn se tingħata assistenza sabiex jiġi pprovdut servizz ta’ ċentru ta’ matul il-jum għat-tfal f’Kibera, fil-Kenja. Dan is-servizz se jgħin sabiex matul il-jum, it-tfal ikunu mħarsa fiċ-ċentru filwaqt li l-ommijiet ikunu jistgħu jmorru jaħdmu. Proġett ieħor jinvolvi l-bini ta’ faċilità residenzjali għat-tfal li ġejjin min familji vulnerabbli fil-Madagaskar.     

Is-settur tas-saħħa qed jingħata wkoll importanza permezz tal-ko-finanzjarjament ta’ żewġ proġetti fit-Tanżanija u l-Gwatemala. Il-qagħda soċjali  tal-anzjani qed tiġi kkunsidrata ukoll permezz tat-twaqqif ta’ dar residenzjali għal nisa anzjani li ġew abbandunati mill-qraba tagħhom fil-foresta tal-Amażonja. Proġett ieħor huwa ffukat fuq is-settur tal-ilma u s-sanità fejn se jiġi installat makkinarju għat-tisfija tal-ilma tax-xorb u għat-tisjir f’komunità fl-Etjopja.

Din is-sena għandna wkoll proġett innovattiv fuq l-enerġija rinnovabbli, li jinvolvi l-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi fi skola tal-bniet fil-Pakistan. Hawn taħt hawn lista sħiħa ta’ dawn il-proġetti.

Waqt din l-attività, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin nieda l-ewwel ħarġa tan-newsletter tal-Ministeru – ‘The Bridge’.   ‘The Bridge’ għandha l-għan li tippromwovi x-xogħol tal-Ministeru kif ukoll tax-xogħol li jsir mill-istaff tal-Ministeru. Din in-newsletter se tkun qed toħroġ ‘online’ kull xahar permezz tas-sit tal-Ministeru www.foreignaffairs.gov.mt

LISTA TAL-PROĠETTI

1.    Living Waters Mission Team                                                                                 

‘Proġett dwar il-provista tal-ilma fil-Villaġġ ta’ Ganchore’           

Il-proġett tal-Living Waters Mission Team fl-Etjopja jinvolvi l-installazzjoni ta’ makkinarju li jipprovdi ilma nadif u ta’ kwalità li huwa tajjeb għax-xorb u għat-tisjir lill-komunità fil-villaġġ ta’ Ganchore, fl-Etijopja.

2.    Signum Fidei Malta                                                                                                   

‘Titjib fil-qagħda soċjaliu t-tagħlim tas-subien li joqgħdu fid-dormitorju tal-Iskola Teknika ta’ San Ġużepp, f’Kelo fiċ-Ċad’ 

Il-proġett tal-Signum Fidei jaħseb biex jgħin lil subien ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom f’Kelo, iċ-Ċad. Dan il-proġett jinvolvi l-bini ta’ estensjoni kif ukoll ir-ristrutturar tad-dormitorju li jagħmel parti mill-iskola teknika ta’ San Ġużepp fiċ-Ċad.  

3.    Mission Fund                                                                                                              

‘Opportunitajiet Indaqs u ugwaljanza bejn is-sessipermezz tal-edukazzjoni’

Il-proġett tal-Fond Missjunarju (Mission Fund) jinvolvi l-bini tal-ewwel sular ta’ dormitorju għat-tfajlijet tribali li jattendu l-kulleġġ ta’ San Xavier fl-Indja sabiex ikollhom aċċess kemm għall-edukazzjoni kif ukoll għall-akkomodazzjoni.

4.    St Jeanne Antide Foundation

‘Dar għal nisa anzjani abbandunati fil-Foresta Amażonja’

Dan il-proġett jinvolvi t-twaqqif ta’ dar residenzjali għal nisa anzjani li jinsabu bla dar u li ma jistgħux jieħdu ħsieb tagħhom infushom. Id-dar ser tilqa' dawn in-nisa anzjani u se jigu pprovduti b'faċilitajiet ta’ kura u ta’ saħħa medika bażika.

5.    KOPIN                                                                                                                        

‘Aċċess għall-edukazzjoni ta’ kwalità u l-kura tat-tfal f’Akaki Kality, Addis Ababa’

Dan il-proġett jinvolvi l-bini u r-ristrutturar  ta’ klassijiet u x-xiri ta’ materjal edukkattiv  biex tkun tista’ tingħata edukazzjoni xierqa lit-tfal li jattendu ċ-ċentru ta’ kura tat-tfal f’Addis Ababa.

6.    Grupp Missjunarju Kull Bniedem Ħija                                                                   

‘Edukazzjoni sekondarja u empowerment lil 20 tfal b'diżabilità’

L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jipprovdi appoġġ edukattiv u finanzjarju lil tfal orfni u b’diżabilità li jgħixu fir-reġjun ta’ Kisumu, fil-Kenja li għandu rata ta’ mortalità għolja minħabba l-HIV/AIDS. It-tfal se jattendu l-aħħar sena tal-iskola sekondarja.

7.    Integra Foundation                                                                                                    

‘Kura tas-saħħa lill-persuni fqar u b'diżabilità fil-Gwatemala’

Il-proġett tal-IntegraFoundation wasal fit-tielet fażi u qed jipprovdi assistenza u aċċess għall-kura tas-saħħa primarja lill-persuni b'diżabilità fil-Gwatemala. Il-proġett qed jikkontribwixxi sabiex jittaffew l-ispejjeż u biex tingħata kura tas-saħħa ta’ kwalità.

8.    The Moroccan Community in Malta                                                                        

‘Tagħmirtal-ħjata għal nisa vittmi ta’ stupru’

Il-proġett tal-Kommunità Morokkina f’Malta jindirizza l-qagħda soċjali  tan-nisa. Il-proġett se jkun immirat lejn ommijiet waħedhom u vittmi ta’ stupru li joqgħodu fl-‘Association Solidarité Féminine Centre’ f’Casablanca, il-Marokk. Il-finanzjament se jingħata għax-xiri ta’ tagħmir tal-ħjata bl-għan li jiġi ġġenerat dħul finanzjarju sabiex ikunu jistgħu jħallsu l-akkomodazzjoni tagħhom.

9.    Keralaid Trust

‘L-Bini u r-ristrutturar ta’ djar għall-familji emarġinati f’Kerala, l-Indja’ 

Dan il-proġett se jipprovdi akkomodazzjoni xierqa lill-familji emarġinati li jgħinu l-fqar f’Kerala, l-Indja.

10.    YMCA Valletta                                                                                                        

‘Bini ta’ librerija/kamra tat-Teknoloġija Informatika għall-CAFAP, ċentru ta’ taħriġ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni rurali u l-bini ta' kapaċità umana fit-Togo’

Dan il-proġett jinvolvi l-bini ta’ librerija u kamra tal-kompjuters għaż-żgħażagħ li jattendu ċ-ċentru li jiprovdi taħriġ fl-agrikoltura u taħriġ ieħor dwar human capacity building fit-Togo. Dan għandu jistimola lill-istudenti li jagħmlu iktar riċerka u b’hekk ikunu jistgħu jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom.    

11.    ĊAM Youths (Philippines)                                                                                     

‘L-Bini u t-twaqqif ta’sala li tista' tintuża għal diversi attivitajiet’

Dan il-proġett jinvolvi il-bini u t-twaqqif ta’ sala li se tintuża għal attivitajiet diversi, fosthom korsijiet tal-mużika u korsijiet f’oqsma oħra għal studenti li jattendu l-Jose De Piro Formation Centre li huwa ċentru edukattiv fil-Filippini.

12.    Inizjamed                                                                                                                  

‘L-espansjoni tal-Uwezo Girls Centre’

L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jiġi pprovdut appoġġ u li jingħata empowerment lin-nisa u lill-ommijiet weħidhom sabiex jiżviluppaw ħiliet professjonali fil-Uwezo Girls Centre f’Kibera, il-Kenja. B’hekkikunu jistgħu isiru aktar independenti.

13.    Rotary Club Malta                                                                                                

‘SSESE Skola tat-Tfal’

Il-proġett jinvolvi l-bini ta’ skola primarja fil-viċinanzi ta’ Lake Victorja fl-Uganda.

14.              SOS Malta

‘Xogħol għaż-żgħażagħ: Ħolqien ta’ ħiliet u t'opportunitajiet għal żgħażagħ f’Njeru, li jinsab fid-distrett ta’ Buikwe fl-Uganda’

Il-proġett se jiffoka fuq capacity building u t-taħriġ ta’ żgħażagħ li jgħixu fil-faqar. Dan it-taħriġ se jgħin liż-żgħażagħ isibu xogħol sabiex itejbu l-kwalità ta’ ħajja tagħhom. It-taħriġ se jingħata fis-settur tal-agrikoltura u setturi oħra.

15.              The Arnaud Guesry Foundation                                                                           

‘L-bini ta’ ċentru sabiex jintuża bħala faċilità residenzjali u ċentru għall-kommunità’

Dan il-proġett jikkonsisti fil-bini ta’ residenza għat-tfal li ġejjin minn familji foqra fir-reġjun ta’ Diana fil-Madagaskar. Din ir-residenza se tipprovdi akkomodazzjoni xierqa għal dawn it-tfal mogħni b’tagħmir mediku, ikel u faċilitajiet edukattivi. 

16.              GuateMalta Foundation                                                                                           

‘It-tieni fażi tal-bini ta’ faċilitajiet sportivi fil-Gwatemala’

Dan il-proġett huwa mmirat lejn iż-żgħażagħ u l-isport. Il-proġett jinvolvi l-bini ta’ faċilitajiet sportivi għal tfal u żgħażagħ li ġejjin minn komunità żvantaġġata fil-Gwatemala.

17.    Inservi Foundation (Maltese Jesuit Foundation)                                                

‘L-bini ta’faċilitajiet sportivi fil-Kulleġġ Universitarju ta’ St. Xavier f’Maharo, Dunka l-Indja’

Dan il-proġett jinvolvi l-bini ta’ faċilitajiet sportivi fil-Kulleġġ Universitarju ta’ San Xavier fl-Indja li ġie mwaqqaf mill-Ġiżwiti fl-2010.

18.    ĊAM Youths (Pakistan)                                                                                           

‘L-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi fl-iskola medja tal-bniet ta’ Joseph de Piro f’Asif Town fl-Lahore fil-Pakistan’

Dan il-proġett jinvolvi l-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi li ħa jippermetti lill-iskola li jkollha provvista tal-elettriku kostanti u fuq basi regolari. 

19.              FACES                                                                                                                        

‘Kollaborazzjoni bejn FACES u l-isptar Cardinal Rugambwa (It-tieni fażi)’

L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jtejjeb l-istandards mediċi tal-isptar Cardinal Rugambwa fit-Tanzanija. Il-finanzjament se jiġi allokat għal xiri ta’ tagħmir mediku u għal ġeneratur tal-elettriku kif ukoll għal taħriġ mediku lill-istaff.

20.    KIDS – Kids Initiative for Development Sustainability                                        

‘Il-kura tat-tfal fil-kwartieri foqra ta’ Kibera fil-Kenja’

L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jiġi pprovdut servizz ta’ kwalità fiċ-ċentru ta’ matul il-jum għal tfal żgħar fil-Kenja. Dan is-servizz se jippermetti lill-ommijiet li jkomplu jaħdmu u jistudjaw.  

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow