RESTAWR TA’ STRUTTURI STORIĊI F’GĦAWDEX
Permezz ta’ ftehim milħuq bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-għaqda mhux governattiva Wirt Għawdex, din tal-aħħar ser tkun tista’ timpjega ħaddiem full-time biex ikun jista’ jwettaq xogħlijiet ta’ manutenzjoni u restawr fuq għadd ta’ niċċeċ u binjiet storiċi f’Għawdex.
L-għaqda Wirt Għawdex li hija attiva ħafna fil-preservazzjoni u promozzjoni ta’ siti storiċi f’Għawdex tieħu ħsieb numru ta’ siti storiċi f’Għawdex permezz ta’ management agreements mall-Ministeru għal Għawdex. Is-siti mmaniġġjati minn Wirt Għawdex huma il-Porvlista, Aally Port u l-batterija fiċ-Cittadella, il-Kappella ta’ Santa Ċeċilja, it-Torri ta’ Mġarr ix-Xini u Dar il-Gvernatur fid-daħla tar-Rabat. Dan l-aħħar permezz ta’ ftehim ieħor iffirmat mall-Ministeru għal Għawdex l-għaqda ġiet mogħtija r-responsabbiltà tax-xelters tal-gwerra fiċ-Ċittadella. L-għaqda Wirt Għawdex tieħu ħsieb tiftaħ dawn is-siti għall-pubbliku bil-għajnuna tal-voluntiera li huma membri fl-għaqda.
Il-ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex u s-Sur Franco Masini u s-Sur Giovanni Zammit President u Viċi President rispettivament tal-Għaqda Wirt Għawdex fil-preżenza tal-Ministru għal Għawdex Dr. Anton Refalo.
Il-Ministru faħħar il-ħidma tal-għaqda Wirt Għawdex b’risq il-wirt storiku ta’ Għawdex u qal li dan il-ftiehim huwa xhieda oħra tal-fiduċja li għandu l-Ministeru għal Għawdex fil-ħidma tal-għaqda.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en