IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU KARMENU VELLA JINAWGURA SECONDARY SURVEILLANCE RADAR ĠDID F’HAL FAR
Din il-ġimgħa l-kumpanija Malta Air Traffic Services se tkun qed tfakkar il-35 anniversarju mit-twaqqif tagħha fost l-oħrajn bi tnedija ta’ ktieb dwar l-ewwel radars f’Malta
Illum f’Ħal Far kien inawgurat wieħed minn żewġ secondary surveillance radars ikkummissjonati mill-kumpanija Malta Air Traffic Services (MATS). Dan ir-radar li ħa madwar sena biex inbena huwa mgħammar bl-aħħar teknoloġija u jintuża biex isegwi l-moviment tal-ajruplani li jkunu se jtiru mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kif ukoll dawk li jkunu waslu għall-inżul.
Meta kien qed jindirizza lill-ġurnalisti, il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella semma kif tliet snin ilu l-kumpanija MATS iffaċċjat sfidi finanzjarji minħabba l-kriżi fit-Tuneżija u fil-Libja li wasslu għal telf finanzjarju kawża tal-għeluq tal-ispazju tal-ajru Libjan. Spjega kif madanakollu l-kumpanija xorta baqgħet għaddejja bl-investiment tagħha u daħlet għal diversi proġetti fosthom upgrading tal-Air Traffic Managment System, bini ta’ technical workshops ġodda, u installazzjoni ta’ kameras madwar l-ajruport biex jgħinu l-kontrolluri tal-ajru jkollhom monitoraġġ aħjar ta’ akwati differenti tar-runway ’il bogħod mit-torri tal-kontroll. Huwa fisser kif bħalissa għaddej xogħol fuq il-bini tat-tieni secondary surveillance radar fil-Fawwara fejn l-operat tiegħu se jkun simili għal dak tar-radar ta’ Ħad-Dingli.
Il-Ministru Vella elenka diversi proġetti oħra li l-kumpanija mistennija tidħol għalihom fosthom dak tad-Data Link Communications li jissimplifika l-komunikazzjoni bejn il-pilota u l-kontrolluri tal-ajru kif ukoll l-implimentazzjoni tal-Area Navigation li se jkun qed isir b’mod konġunt mad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Mepa. Għal dawn il-proġetti, il-kumpanija MATS se tkun qed tinvesti mal-€15-il miljun.
Sadanittant, iċ-Chairman tal-kumpanija l-Maġġur Tony Abela semma kif fi tmiem din il-ġimgħa l-kumpanija MATS se tkun qed tfakkar il-ħamsa u tletin anniversarju mit-twaqqif tagħha. Għal dan il-għan, nhar is-Sibt se jkun imniedi ktieb miktub miċ-Chairman innifsu dwar l-ewwel radars f’Malta filwaqt li l-għada l-Ħadd 30 ta’ Marzu l-kumpanija se tkun qed torganizza open day fir-radar li għandha f’Ħad-Dingli.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en