L-EKONOMIJA L-ĦADRA HIJA MSEJSA FUQ IDEAT ĠODDA U INNOVATTIVI LI TWASSAL GĦAL AKTAR IMPJIEGI U KWALITÀ TA’ ĦAJJA AĦJAR - IL-MINISTRU LEO BRINCAT
Dalgħodu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima Leo Brincat, ħa sehem f’laqgħa interattiva ma’ madwar ħamsin student mill-iskola tal-Kulleġġ Santa Tereża tas-Subien f’Birkirkara dwar l-Ekonomija l-Ħadra.
Il-Ministru Leo Brincat fisser, sema’, wieġeb u ħa nota ta’ diversi osservazzjonijiet u kummenti mill-istudenti li pparteċipaw f’din is-sessjoni li saret fil-binja tal-iskola nnifisha. Id-diskussjoni iffukat fuq kemm din it-tip ta’ ekonomija tista’ twassal għall-ħolqien ta’ ideat ġodda u innovattivi.
Il-Ministru Brincat qal li l-Ekonomija l-Ħadra jekk tirnexxi twassal għal aktar impjiegi, toħloq impjiegi ta’ kwalità u tgħin ukoll biex ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar. Din l-inizjattiva edukattiva saret bil-għan li f’kull skola madwar Malta u Għawdex tingħata tagħrif edukattiv dwar l-Ekonomija l-Ħadra biex jitkabbar l-għarfien fost l-istudenti. Filfatt il-Ministru ħabbar li se titqassam preżentazzjoni dwar dan f’kull skola.
Il-Ministru Leo Brincat saħaq li biex nimxu lejn tip ta’ ekonomija li tirnexxi, hemm bżonn li nbiddlu l-metodu ta’ kif nipproduċu, nikkunsmaw u nħaddmu l-attivitajiet ekonomiċi tagħna b’rispett sħiħ għal saħħitna u l-ambjent ta’ madwarna.
Il-Ministru Leo Brincat qal li billi r-riżorsi tagħna huma limitati jeħtieġ li dawn jintużaw b’mod produttiv, innovattiv u effiċjenti.
Huwa fakkar kif il-UNEP (United Nations Environment Programme) tiddeskrivi l-Ekonomija l-Ħadra bħala waħda li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-ġustizzja soċjali filwaqt li tnaqqas b’mod sinifikanti ir-riskji ambjentali u l-iskarsitajiet ekoloġiċi. Dan kollu juri li l-isforzi tagħna jeħtieġu li jkunu kollettivi u mhux kulħadd jitlaq għal rasu.
Il-qofol tas-suċċess u/jew falliment lejn din il-mixja ’l quddiem huwa kemm se jirnexxielna nagħmlu aktar u niksbu riżultati aħjar b’użu ta’ anqas riżorsi.
Il-Ministru fisser li ħajja mingħajr saħħa ambjentali, ikel bnin, arja nadifa u ilma nadif ma tista’ qatt tissejjaħ ħajja tajba.
L-isfida ewlenija hija dwar kemm se nkunu kapaċi noħolqu u naċċettaw ideat ġodda u innovattivi li fl-istess ħin iwasslu għal inizjattivi ekonomiċi li jkunu fihom infushom sostenibbli u jwasslu biex itejbu l-ambjent.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en