STQARRIJA KONĠUNTA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETA’ SOĊJALI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-KOMPETITTIVITA’ U T-TKABBIR EKONOMIKU
Servizz eqreb tiegħek
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali Marie-Louise Coleiro Preca u s-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittivita’ u t-Tkabbir Ekonomiku Dr. Edward Zammit Lewis taw bidu għall-istrateġija fl-informatika li għandha l-għan li tħaffef l-ipproċessar tal-benefiċċji soċjali.
Il-Ministru Coleiro Preca spjegat li sal-lum dawk li jridu jirċievu xi tip ta’ benefiċċju mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali għandhom jimlew numru ta’ formoli hekk kif jeżisti nuqqas ta’ servizzi offruti online.
Saħqet li permezz tal-istrateġija integrata fl-informatika se tiżdied l-effiċjenza għaliex dawk li jkunu jixtiequ japplikaw jistgħu jagħmlu dan mill-kumdita’ ta’ darhom.
Il-Ministru sostniet li permezz tas-servizzi online se jiġu ffrankati madwar nofs miljun ewro fis-sena fi spejjeż ta’ karti u posta.
Żiedet tgħid li matul din is-sena se jkun hemm tlett tipi ta’ benefiċċji li persuna mhux se jkollha għalfejn tapplika għalihom iżda jingħataw b’mod awtomatiku permezz ta’ din is-sistema integrata.
Dawn huma l-pensjoni tal-irtirar, pensjoni tar-romol u l-għotja għal dawk li jiżżewġu.
Sadanittant, is-Segretarju Parlamentari għall-Kompettivita’ u Tkabbir Ekonomiku Dr. Edward Zammit Lewis saħaq li dan il-proġett huwa parti minn strateġija tal-Gvern li kommess juża t-teknoloġija bħala mezz ewlieni ta’ kif is-servizz pubbliku jista’ jersaq eqreb taċ-ċittadin fl-operat tiegħu.
Din il-ħidma torbot id f’id mal-Istrateġija Nazzjonali Diġitali li tħabbret ilbieraħ u tkopri s-snin ta’ ħidma bejn 2014- 2020 li telenka numru ta’ inizjattivi li ser iwasslu biex Malta tilħaq il-miri stabbiliti fid-Digital Agenda Ewropea.
Għal dan il-għan, tenna s-Segretarju Parlamentari Edward Zammit Lewis, il-Gvern qed jaħdem bla waqfien biex inaqqas id-digital divide. Fil-lokalitajiet madwar Malta qed jiġu organizzati korsijiet tal-Informatika fl-użu ta' servizzi elettroniċi biex titjieb l-effiċjenza governattiva, kif ukoll tagħti spinta biex titnaqqas il-burokrazija żejda.
Is-Segretarju Parlamentari faħħar il-ħidma tal-MITA li ssir mad-Dipartimenti tal-Gvern biex jiġu implimentati programmi tal-Gvern u u l-involviment bis-sħiħ biex javvanzaw s-sistemi tal-informazzjoni biex iċ-ċittadini jinqdew aħjar.
Din hija inizjattiva b’konformita’ mal-Gvern biex titnaqqas il-burokrazija u jkun hemm simplifikazzjoni tal-proċessi li jinkludi investiment fl-infrastruttura tal-eGovernment biex is-sistemi tal-Gvern ikunu aktar aċċessibli hekk kif iċ-ċittadin ikun jista’ jagħmel użu mis-servizzi mill-kumdita’ ta’ daru, temm jgħid Dr. Edward Zammit Lewis.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en