L-EARTH HOUR … MESSAĠĠ QAWWI U POŻITTIV GĦAL DINJA AĦJAR
L-Earth Hour hi ċelebrazzjoni biex timmarka sinjal ċar li jekk naħdmu flimkien għall-istess għan nistgħu nsibu soluzzjoni għat-Tibdil tal-Klima. Huwa permezz ta’ hekk li inkunu qed nindirizzaw il-ħtieġa ta’ enerġija aktar nadifa. Dan qalu l-Ministru Leo Brincat b’rabta maċ-ċelebrazzjoni tal-Earth Hour li se ssir nhar is-Sibt 29 ta’ Marzu fil-Valletta Waterfront fit-20.00pm.
Dakinhar Malta se tingħaqad mal-kumplament tad-dinja sabiex timmarka dan il-jum. Hu mistenni li miljuni ta’ nies madwar id-dinja se jkunu qegħdin jingħaqdu f’dan l-eżerċizzju simboliku. B’kollox hu stmat li madwar 50 miljun ruħ ħa jkunu qed jieħdu sehem. Huma bosta dawk is-setturi li joħolqu Tibdil fil-Klima fosthom: l-enerġija, l-industrija, il-biedja kif ukoll il-qasam tal-iskart.
Il-Ministru Leo Brincat jemmen li ladarba wieħed iqajjem kuxjenza nazzjonali u lilhinn minn xtutna, l-iskop tal-Earth Hour ikun intlaħaq. B’dan il-mod nkunu qed nuru li aħna bħala Maltin għandna kuxjenza qawwija u li jimpurtana li naħdmu għal dinja aħjar.
Il-Ministru Leo Brincat saħaq li hemm bżonn li titnaqqas id-dipendenza tagħna u tal-pajjiżi tal-madwar fuq iż-żjut u l-faħam bil-għan li l-emissjonijiet serra jiċkienu u jonqsu flok ikomplu jikbru.
L-enerġija hija xi ħaġa li dejjem tibqa’ meħtieġa, iżda daqstant ieħor hu meħtieġ nużawha b’mod aktar effiċjenti u sostenibbli. Il-Ministru Brincat saħaq li l-ebda Gvern waħdu ma jista’ jsolvi dawn il-problemi, iżda jekk naħdmu lkoll flimkien bl-istess għan inkunu qed nuru lilna nfusna li b’ħidmitna nistgħu nagħmlu d-differenza.
L-Earth Hour mhix monoploju ta’ ebda Gvern ta’ ebda pajjiż, iżda biex tabilħaqq jintlaħaq l-iskop tagħha hemm ħtieġa tas-sehem ta’ kulħadd; taċ-ċittadini, tal-industrija privata u tal-organizzazzjonijiet kollha speċjalment dawk ambjentali.
Huma bosta dawk il-postijiet simboliċi u storiċi ta’ diversi pajjiżi li jintfew għal siegħa biss u fl-era teknoloġika li qed ngħixu llum il-messaġġ jista’ jasal b’mod aktar qawwi u b’mod aktar attiv. Il-Ministru Leo Brincat jemmen li l-Earth Hour hu avveniment pożittiv b’messaġġ li għandu jnissel tama u fiduċja.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en