Left arrow Mur Lura

ORGANIZZAT SEMINAR KONSULTATTIV - STRATEĠIJA GĦAD-DIMENSJA

pr140568
Date Icon 22/03/2014

Is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva illum organizza Seminar Konsultattiv bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni għall-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja. Indirizzaw dan is-Seminar il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Marie Louise Coleiro Preca flimkien mas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Franco Mercieca.

Minn naħa tagħha, il-Ministru Coleiro Preca qalet li din l-istrateġija għad-dimensja hija opportunità biex mhux biss niffukaw fuq id-dimensja nnifisha iżda anki nindirizzaw il-vulnerabiltà li ġġib magħha d-dimensja. 

Il-Ministru Coleiro Preca saħqet li hemm bżonn jkollna aktar għarfien dwar din il-kundizzjoni fid-dawl li fiż-żmien li ġej huwa proġettat li n-numru ta' persuni bid-dimensja se jiżdied.

Spjegat kif id-dinjità tal-persuni bid-dimensja hija mhedda u appellat lil dawk li jiehdu ħsieb il-kura ta' nies bid-dimensja biex jersqu 'l quddiem bl-ideat tagħhom ħalli din l-istrateġija ma tkunx biss sempliċi rapport iżda tiġi implimentata bl-għan li jinħoloq ambjent aħjar għall-persuni bid-dimensja.

Waqt li indirizza dan is-Seminar, is-Segretarju Parlamentari Franco Mercieca semma’ kif Malta, bħall-pajjiżi oħra Ewropej, qegħda taffaċja problema ta’ popolazzjoni li qegħda tixjieħ u kif sa 2050, kważi 14 fil-mija tal-popolazzjoni ta’ Malta se tkun tikkonsisti minn individwi ta’ iżjed minn 75  sena.

Franco Mercieca saħaq li għalkemm il-gvern joffri ammont sostanzjali ta’ servizzi għall-persuni akbar fl-età, bħas-servizzi ta’ għajnuna fid-djar, is-servizz tat-Telecare Plus fosthom oħrajn, għad ma hemmx l-ebda servizz fost dawn li jindirizza direttament l-individwi li jbatu mid-dimensja, li għandhom bżonn bżonnijiet speċjali u sapport.

Is-Segretarju Parlamentari qal li Malta hija is-sittax-il pajjiz li qed taddotta Strateġija għad-Dimensja. Skond Franco Mercieca, din l-Istrateġija hija wkoll unika peress li qegħda tkun miftuħa għall-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, liema proċess ser idum sa’ l-aħħar ta’ Mejju.

Biex jikkonkludi l-introduzzjoni tiegħu, is-Segretarju Parlamentari qal li l-gvern kommess li jpoġġi d-dimensja bħala waħda mill-prioritajiet tiegħu, b’hekk għandhu bżonn is-sapport u kontribuzzjoni ta’ kulħadd. Għalhekk, skond Franco Mercieca, huwa importanti li wieħed jipparteċipa fil-konsultazzjoni pubblika.

Il-kelliema f’dan is-seminar kienu il Focal Point Nazzjonali għad-Dimensja, Dr. Charles Scerri, il-kap tat-taqsima Anzjanità Attiva Cynthia Formosa, u il-Professur David Mamo, speċjalista fil-Psikjartrija Ġerjatika. 

Dr. Charles Scerri beda billi ta spjegazzjoni tas-sintomi ta’ din il-kundizzjoni. Semma’ kif il-kundizzjoni tad-dimensja mhux qegħda biss f'Malta iżda fl-Ewropa kollha. Wera wkoll il-ħidma li bdiet biex wieħed jilqa’ tajjeb għal din il-kundizzjoni u semma’ x’jista’ jsir ‘il quddiem biex wieħed itejjeb il-ħajja ta' min ibati minn din il-kundizjoni u min jieħu ħsiebu.

Cynthia Formosa tkellmet fuq kif nistgħu ngħaqqdu l-kundizzjoni tad-dimensja mal-Anzjanità Attiva. Semmiet kif wieħed jista’ jorganizza attivitajiet għall-anzjani li jbatu minn din il-kundizzjoni biex jibqgħu attivi fil-ħajja tagħhom. B’din l-idea wieħed ikun qiegħed itejjeb il-kwalità tal-ħajja għal min ibati mid-dimensja.

Il-Professur David Mamo minn naħa tiegħu saħaq li din hija Strateġija għal uliedna iżjed milli għal dawk l-anzjani ta’ issa. Semma’ kif ma’ din l-Istrateġija għandna bżonn pjan konkret ta’ fejn irridu naslu u x’għandna bżonn.  Dawk li attendew għal dan is-seminar imbagħad ġew mqassma fi tliet gruppi għall-workshops differenti skond l-għażla tagħhom. 

Ikkonkluda dan is-Seminar is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Franco Mercieca billi rringrazja lill kull min attenda dan is-Seminar.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow