Left arrow Mur Lura

PJAN ĦOLISTIKU TAS-SAĦĦA LI JGĦAQQAD IŻ-ŻEWĠ GŻEJJER

pr140566
Date Icon 22/03/2014

Pjan Nazzjonali ħolistiku tas-Saħħa li jgħaqqad lil Malta u Għawdex f’qafas wieħed, jiggarantixxi aktar aċċess ekwu, kura ta’ kwalità u sostenibbiltà. Dan qiegħed jitnieda billi tinżamm fuq quddiemnett id-dinjità tal-pazjent, bi gvern li jisma’ u li jaħdem biex jibdel it-tmexxija għal governanza aktar siewja, politika li hija aktar għaqlija u b’wiċċ uman.

Dan qalu dalgħodu l-Ministru għas-Saħħa, Dr Godfrey Farrugia, meta indirizza l-ġurnalisti waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li matulha ta rendikont dwar it-titjib li sar għall-ġid tal-pazjenti, fis-settur tas-saħħa fil-ġzira Għawdxija. Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għal Għawdex, Dr Anton Refalo.

Huwa qal li t-tfassil tal-pjan għal Għawdex huwa wieħed li rristruttura l-management fuq linji aktar moderni, b’żieda ta’ riżors uman, b’mod partikolari f’infermiera u ħruġ ta’ shared medical consultant posts, filwaqt li ttejbet is-sistema tal-procurement u ż-żamma tal-finanzi, b’mod partikolari għaliex din l-amministrazzjoni wirtet sptar b’defiċit finanzjarju.

F’din l-aħħar sena f’Għawdex reġa’ nfetaħ il-Hyperbaric Unit, twaqqaf il-Bone Density Unit, infetaħ it-tielet teatru tal-operazzjonijet, sar immodernizzar tad-dipartiment tad-Dentistrija, iddaħħlet arja kkundizzjonata fis-swali tal-anzjani kollha, sar refurbishment tas-sala tal-Pedjatrija, ġiet immodernizzata l-kċina u b’hekk il-grad tagħha tela’ minn dak ta’ livell E għal livell A, b’menu li huwa varjat, sar it-tisbiħ tal-kamra mortwarja biex tkun aktar post idonju, inbeda x-xogħol tal-water proofing fuq is-soqfa tal-isptar u tkompla x-xogħol fuq il-kurituri bit-tqegħid tal-madum.

M’hemmx dubju li l-aktar proġett siewi huwa dak tal-Chemotherapy Lounge, li tkopri fiha wkoll id-Day Care Unit, għax għalkemm dan is-servizz jingħata darbtejn fil-gimgħa, fil-kumplament tal-ġranet tintuża għal dan l-għan, biex b’hekk jissaħħaħ is-servizz tal-Endoskopija, u tal-iscreening tal-kanċer tal-musrana. Minn dan l-aħħar aspett, diġà sservew ‘l fuq minn 200 pazjent Malti li kellhom suspett ta’ bidu tal-kanċer.

F’din is-sena stess dan id-Day Care Unit għandu jservi wkoll biex itaffi mil-lista ta’ stennija ta’ operazzjonijiet minuri tal-Isptar Mater Dei.

Bħalissa qed isir xogħol amministrattiv b’fondi mogħtija mill-Unjoni Ewropea ta’ madwar 14-il miljun, fuq 3 proġetti li jinkludu apparat iktar modern, upgrade tat-teatru tal-operazzjonijiet u Radiological Unit, u biex indaħħlu servizzi moderni tal-enerġija, b’mod partikolari billi nnaqsu l-carbon footprint tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Huwa maħsub li f’din is-sena jitkompla l-proġett tal-kurituri, jsir l-imoderniżżar tal-Podology u Detox Unit, tinfetaħ sala ġdida tal-Ortopedija, jinbeda l-proċess ta’ titjib fis-servizz fil-kura primarja, mhux biss permezz tal-bereġ, imma wkoll bis-sehem ta’ ċentru ġdid tas-saħħa biex jaqdi l-kura primarja u jitkattar il-proċess biex l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ikun teaching hospital.

Din il-qabża fil-kwalità setgħet issir biss bis-saħħa tas-sehem tal-ħaddiema Għawdxin, miż-żgħir sal-kbir, bil-koperazzjoni inter-ministerjali bejn il-Ministeru għas-Saħħha u l-Ministeru għal Għawdex, b’operat li jħares il-ħtiġijiet immedjati bi prijorità, anki dawk infrastruturali, tejjeb u żied is-servizz, u qed jaħseb fit-tul biex Għawdex igawdi minn servizzi tas-saħħa li jżidu l-prosperità ekonomika f’din il-gżira.

Il-Ministru għal Għawdex Dr Anton Refalo fl-inidirizz tiegħu wera l-apprezzament tiegħu għall-kisbiet li għamel il-Ministru għas-Saħħa Dr Godfrey Farrugia fil-qasam tas-saħħa f’Għawdex. Huwa tkellem dwar il-problemi li kien ikollhom jaffaċċjaw il-pazjenti Għawdxin flimkien mal-qraba tagħhom fil-qasam tal-kimoterapija, bħat-tbatija fiżika, skariġġ u spejjeż ta’ trasport bejn Malta u Għawdex matul il-perjodu tal-kura. 

Dr. Refalo faħħar l-inizjattivi ġodda li ħadem fuqhom il-Ministru għas-Saħħa għall-ġid ta’ Għawdex u semma l-qabża fil-kwalità li sar f’din l-aħħar sena, għall-benefiċċju tal-pazjent Għawdxi u l-familja tiegħu. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow